Malta se tkompli tgħin lir-refuġjati Palestinjani

Malta se tkompli tgħin lir-refuġjati Palestinjani

Numru ta' Referenza: PR212067, Data ta' l-Istqarrija : Nov 17, 2021
 
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo ħa sehem f’laqgħa fi Brussell dwar l-għajnuna għar-refuġjati Palestinjani.

Il-laqgħa ssejħet mill-Ġordan u l-Iżvezja, u matulha l-Ministru Bartolo qal li Malta se tkompli tgħin lill-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Magħquda għar-Refuġjati Palestinjani biex din tkun tista’ tgħin familji, skejjel, sptarijiet u toffri għajnuna soċjali u self b’imgħax baxx lill-ħames miljun u nofs refuġjati Palestinjani fil-Libanu, il-Ġordan, is-Sirja, ix-Xatt tal-Punent, il-Lvant ta’ Ġerusalemm u l-Gaża.
           
Il-Ministru Bartolo qal li hemm bżonn ta’ sforzi ġodda biex il-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani ma jibqax staġnat għax il-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina qed iwassal għal ħafna tbatija, disprament, intolleranza u vjolenza.

Huwa qal li mhux se jkun hemm paċi u ġustizzja qabel ma l-Palestinjani jkollhom l-istat sovran tagħhom u l-Iżrael u l-Palestinjani jirrikonoxxu d-dritt ta’ xulxin li jgħixu fis-sigurtà u l-paċi.

Il-Ministru Bartolo qal li jittama li l-aġenzija jkollha l-flus meħtieġa biex tgħin lir-refuġjati Palestinjani.

“Għadna nghixu f’dinja fejn ghal kull dollaru li nonfqu fuq għajnuna umanitarja, nonfqu tnax fuq l-armamenti. Waqt li ma nsibux biżżejjed flus biex ngħinu lil xulxin, insibu iżjed minn biżżejjed flus biex noqtlu lil xulxin”, qal il-Ministru Bartolo.

Il-Ministru Evarist Bartolo kellu wkoll laqgħa mal-Kummissarju Ġenerali Philippe Lazzarini dwar ix-xogħol tal-aġenzija.

Minister Evarist Bartolo speaking during the meeting. 
Minister Evarist Bartolo speaking during the meeting. 
Minister Evarist Bartolo speaking during the meeting.