Malta tilqa’ l-ftehim biex isiru elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari fil-Libja sa Diċembru 2021

Numru ta' Referenza: PR202378, Data ta' l-Istqarrija : Nov 25, 2020
 
Malta tilqa’ l-eżitu tal-Forum ta’ Djalogu Politiku Libjan (LPDF) li sar bejn is-7 u l-15 ta’ Novembru 2020 abbażi tal-konklużjonijiet tal-Konferenza ta’ Berlin, kif approvati bir-Riżoluzzjoni 2510 (2020) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. B’mod partikolari, Malta tilqa’ l-ftehim milħuq mill-partijiet Libjani biex isiru elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari sal-24 ta’ Diċembru 2021 u tqisu bħala kisba sinifikanti.
 
Dan is-suċċess isegwi u jibni fuq l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehim għal waqfien mill-ġlied tat-23 ta’ Ottubru 2020. F’dan ir-rigward, Malta tkompli tappella lil-Libjani kollha u lill-komunità internazzjonali biex jimxu ma’ tali ftehim u b’hekk jippermettu lill-poplu Libjan ikompli fi triqtu lejn it-twaqqif ta’ istituzzjonijiet sovrani u demokratiċi.
 
Il-gvern jawgura li t-taħditiet li għadhom għaddejjin iwasslu għal aktar kisbiet fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-pjan politiku. Malta se tkompli tappoġġa dan il-proċess billi tiggwida l-perjodu ta’ tranżizzjoni, tistipula termini għall-approvazzjoni ta’ awtorità eżekuttiva ġdida u tiżgura li l-arranġamenti kostituzzjonali jkunu fis-seħħ inkluż għaż-żamma ta’ elezzjonijiet.
 
Huwa imperattiv li l-proċess politiku, paripassu mal-iżvilupp ekonomiku u soċjali, ikompli jseħħ, primarjament immexxi mil-Libjani u għal-Libjani u taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti.