Malta se tibgħat 468 tunnellata n-Namibia – Att ta’ solidarjetà li se jirriżulta f’opportunità ta’ benefiċċju fit-tul għaż-żewġ pajjiżi

Numru ta' Referenza:  PR201216, Data ta' l-Istqarrija : Ġun 26, 2020
 
Wara li ħareġ sejħa għall-forniment ta’ 500 tunnellata patata biex iwieġeb għall-kriżi tal-ikel fin-Namibia, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej irċieva tlett offerti konformi b’total ta’ 468 tunnellata patata.

Il-kriterji ewlenin kienu illi l-patata tkabbret lokalment, u allura mhux impurtata, u li nxtrat mingħand bdiewa lokali bi prezz ta’ mhux inqas minn 30 ċenteżmu kull kilo. 

B’hekk, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej xtara l-ammont kollu offrut b’nefqa ta’ €187,200, b’€140,400, jew aħjar 75% tal-fondi, jmorru direttament għand il-bdiewa li fornew il-patata lill-esportaturi.

Din il-konsenja issa hija lesta biex nhar it-Tnejn, 29 ta’ Ġunju, titlaq mll-Port Ħieles ta’ Malta lejn in-Namibia, fejn mistennija tasal fl-aħħar ġimgħa ta’ Awwissu.

Bit-tema ‘Solidarjetà Malta’, din l-inizjattiva tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, bl-appoġġ tal-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali u Trade Malta, qed issir permezz ta’ fondi allokati għall-għajnuna fl-iżvilupp ta’ pajjiżi barranin. 

Minn dan il-ġest ta’ solidarjetà man-Namibia, liema pajjiż għadda min-nixfa u bil-problemi jkomplu jiggravar minħabba l-imxija tal-COVID-19, mistennija jibbenefikaw man-nofs miljun persuna.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo qal li din l-inizjattiva ta’ benefiċċju reċiproku hija biss il-bidu ta’ relazzjonijiet aktar b’saħħithom bejn Malta u n-Namibia, liema relazzjonijiet għandhom iwasslu għal aktar koperazzjoni u potenzjal ta’ kummerċ.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo qal li din l-inizjattiva llum qed issir b’solidarjetà, iżda għada se toffri opportunità biex niftħu niċċa ġdida għall-prodott agrikolu Malti li jkun ifisser ukoll sostenn fit-tul għall-bdiewa lokali.

pr201216a.jpg 
pr201216b.jpg 
pr201216c.jpg
pr201216d.jpg
pr201216e.jpeg