Malta ngħaqdet ma’ grupp ta’ pajjiżi fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti li se jikkontribwixxu għall-Fond għaż-Żamma tal-Paċi. Il-Fond huwa immirat biex jsostni l-isforzi għaż-żamma tal-paċi f’pajjiżi affettwati minn jew f’riskju ta’ kunflitt.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo ħabbar il-kontribuzzjoni ta’ Malta waqt konferenza virtwali ta’ livell għoli li laqqgħat il-pajjiżi msieħba fl-isforzi biex isostnu dan il-fond. Huwa fisser kif Malta minn dejjem identifikat u segwiet l-isforzi multilaterali kollha għaż-żamma tal-paċi, u għalhekk hija kburija li se tagħti sehemha biex jintlaħqu dawn il-miri tant importanti permezz tal-kontribuzzjoni tagħha.
L-għajnuna li se joffri pajjiżna ssegwi s-sejħa tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għal ‘qabża importanti f’dak li huwa appoġġ għal dan il-fond’. Dan fil-kuntest li ż-żamma tal-paċi u s-sigurtà hija dejjem sfida li teħtieġ sforz kollettiv, speċjalment fil-kontinent Afrikan, u aktar u iktar fi żmien ikkaratterizzat minn pandemija globali.