Malta tagħti appoġġ lil-Libanu wara l-isplużjoni f’Bejrut

Numru ta' Referenza: PR201503, Data ta' l-Istqarrija : Aww 06, 2020
 
Malta qed toffri l-appoġġ tagħha lir-Repubblika Libaniża b’kontribuzzjoni finanzjarja ta’ €50,000 mill-baġit uffiċjali tagħha għall-għajnuna għall-iżvilupp wara l-isplużjoni devastanti li seħħet f’Bejrut fl-4 ta’ Awwissu 2020. Skont rapporti, mill-inqas mitt persuna nqatlet, u 4,000 oħra ndarbet, filwaqt li saret ħsara konsiderevoli fl-infrastruttura tal-belt.

Ir-rispons ta’ emerġenza mill-Gvern Malti hu espressjoni ta’ solidarjetà sħiħa mal-gvern u mal-poplu Libaniż, liema rispons jagħti tama li l-għajnuna umanitarja globali tgħin lill-pajjiż biex jegħleb riperkussjonijiet distruttivi fl-iqsar żmien possibbli.

Malta tibqa’ tagħti sehemha fix-xena umanitarja globali. Xhieda ta’ dan huma l-kontribuzzjonijiet finanzjarji li Malta tagħmel b’mod regolari u f’waqthom b’reazzjoni immedjata għal kriżijiet ġodda, bħal kif sar wara t-terremot ta’ Novembru li għadda fl-Albanija u b’kontribuzzjonijiet varji b’risq diversi appelli tan-Nazzjonijiet Uniti matul l-għeqqel tal-pandemija COVID-19 biex tingħata għajnuna lill-pajjiżi l-aktar milquta.

F’dan l-isfond qed isir appell urġenti lill-komunità internazzjonali biex tingħata widen lis-sejħa mill-Gvern Libaniż għall-għajnuna mingħajr aktar dewmien.