Malta se tkompli tifrex il-preżenza tagħha madwar id-dinja b’ambaxxati ġodda fl-Afrika u fl-Amerka Latina

Numru ta' Referenza: PR202149, Data ta' l-Istqarrija : Ott 31, 2020
 
Aktar investiment b’fondi Ewropej għall-irkupru ekonomiku
 
Waqt konferenza tal-aħbarijiet b’rabta mal-baġit għas-sena d-dieħla, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Bartolo ħabbar li Malta se tkompli tifrex il-preżenza tagħha b’ambaxxati ġodda fl-Afrika u fl-Amerka Latina bil-għan li ssaħħaħ ir-rabtiet politiċi u kummerċjali f’dawn il-kontinenti.
 
Dan filwaqt li matul is-sena li jmiss se tintensifika l-kampanja ta’ Malta biex tiġi eletta fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li huwa meqjus bħala l-aktar organu importanti fil-politika internazzjonali. 
 
Il-Ministru Bartolo fisser li għalkemm jissejjaħ Ministeru għall-Affarijiet Barranin, huwa fil-fatt Ministeru għall-Affarijiet Maltin u Għawdxin għaliex permezz tal-uffiċjali u tad-diplomatiċi tiegħu, il-ministeru jaħdem qatigħ biex iħares l-interessi tal-Maltin u tal-Għawdxin kollha f’pajjiżna u lil hinn minnu.
 
F’dan il-kuntest irrefera għat-terremot li laqat it-Turkija u l-Greċja fl-aħħar sigħat, bil-ministeru minnufih fittex li jagħmel kuntatt mal-Maltin kollha fir-reġjuni affettwati biex jassigura l-benesseri tagħhom. Dan bl-istess mod kif ħadem matul il-pandemija biex ġab lura Malta aktar minn 1,600 persuna residenti f’pajjiżna waqt li kien ċentrali fl-akkwist u fil-forniment tat-tagħmir mediku meħtieġ mill-awtoritajiet tas-saħħa fil-ġlieda kontra l-COVID-19.
 
Il-Ministru Bartolo tkellem ukoll dwar l-irwol ta’ Malta bħala stat newtrali biex tkompli titjieb is-sitwazzjoni fil-Libja u dan fl-interess tal-Libjani daqs kemm hu fl-interess tal-Maltin u tal-Għawdxin u tal-bqija tal-Ewropa. Huwa żied li bis-saħħa tar-relazzjonijiet b’saħħithom li nbnew fl-aħħar xhur, minn Marzu ’l hawn twaqqfu mal-5,000 persuna milli jitilqu mil-Libja u jaqsmu l-Mediterran b’mod irregolari.
 
F’dan ir-rigward, il-ministru saħaq li Malta se tibqa’ soda fil-konfront tal-migrazzjoni irregolari biex il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea jaqsmu r-responsabbiltà ta’ dawk li ħaqqhom l-ażil, u biex dawk li ma jikkwalifikawx għal kenn politiku jintbagħtu lura pajjiżhom.  
 
Min-naħa tiegħu, is-Segretjaru Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li l-ħidma tas-segretarjat bħalissa hija maqsuma fuq żewġ binarji; qed isir xogħol biex jiġi assigurat li l-proġetti li kienu jiffurmaw parti mill-programm 2014-2020 jintemmu u jitlestew fiż-żmien li ġew imfassla waqt li għaddejja wkoll ħidma parallela biex jiġu identifikati proġetti tal-programm li jmiss 2021- 2027 kif ukoll proġetti bil-fond tal-irkupru u reżiljenza.
 
Huwa fakkar li pajjiżna kiseb l-akbar allokkazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea li qatt inkisbet - €2.25 biljun, u saħaq li issa għandna d-dover li niksbu l-aħjar riżultati permezz ta’ dawn il-fondi.
 
Dr Zrinzo Azzopardi spjega li b’dawn il-fondi se jiġu indirizzati l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija, tant li mill-fond REACT-EU, li fih hemm €112 miljun, għoxrin miljun ewro aktar milli kien tħabbar inizjalment se jintużaw biex il-gvern ikompli jsostni l-COVID Wage Supplement.
 
Flimkien mar-REACT-EU, is-segretarju parlamentari qal li pajjiżna kiseb €220 miljun oħra f’għotjiet permezz tal-faċilità tal-irkupru u reżiljenza biex ikompli jtaffi l-effetti tal-pandemija.
 
Dawn il-fondi se jassiguraw li l-irkupru u l-iżvilupp ekonomiku jsiru b’mod sostenibbli hekk kif:
  • 20% se jkunu dedikati għall-qalba diġitali;
  • 37% se jmorru għall-ekonomija ħadra, u;
  • il-kumplament se jmorru għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal pajjiżna li jinkludu aktar riformi ġudizzjarji u bidliet soċjali

Apparti dawn il-fondi, is-segretarju parlamentari saħaq li hemm aktar fondi Ewropej allokati għal pajjiżna, fosthom €23.5 miljun mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta li flimkien ma’ fondi oħra jammontaw għal €39 miljun. Dawn se jkunu ddedikati għal proġetti li jwasslu għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet.
 
Żied li 10% tal-fond ta’ koeżjoni u l-fond agrikolu se jiġu allokati għal proġetti li jsaħħu l-iżvilupp ekonomiku u soċjali f’Għawdex.
 
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi kkonkluda li bħalissa għaddejjin bi proċess ta’ pjanar biex nassiguraw li l-fondi Ewropej ikomplu jiġu investiti b’mod għaqli u li jrendi aktar benefiċċji għall-Maltin u għall-Għawdxin kollha.

Il-Ministru Evarist Bartolo jindirizza l-konferenza stampa. 
 Is-Segretjaru Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi jindirizza l-konferenza stampa.