Malta tilqa’ donazzjoni ta’ mitt elf maskra protettiva tal-ħalq minn kumpanija Ċiniża

Numru ta' Referenza: PR200576, Data ta' l-Istqarrija : Mar 30, 2020
 
Waslu Malta mitt elf maskra protettiva li ingħataw b’donazzjoni minn kumpanija Ċiniża u li se jitqassmu mill-Awtorità Maltija dwar il-Mediċini lill-entitajiet involuti fil-ġlieda kontra l-imxija tal-COVID-19.
 
Ħabbar dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo waqt konferenza li matulha radd ħajr lill-kumpanija Ċiniża tal-produzzjoni tal-films, Hongyi (Beijing) Culture Development Co. Ltd tal-għotja tagħha lill-Gvern Malti. Il-ministru rringrazzja b’mod partikolari lill-Ambaxxatur Malti għaċ-Ċina John Aquilina u lid-Direttur tal-kumpanija Malta Triton Film Productions, li għandha kuntatti estensivi mal-kumpanija Ċiniża, li kienu strumentali biex waslet din l-għotja.
 
Il-Ministru Bartolo faħħar ukoll l-isforzi li għaddejjin bejn esperti Maltin u Ċiniżi fil-qsim tal-aqwa prattiki u l-esperjenza miksuba fit-tnaqqis tat-tixrid tal-virus.
 
“Fi żminijiet fejn in-normi internazzjonali ta’ kif għandu jsir kummerċ miftuħ u liberu jinsabu mhedda b’diversi miżuri li qed jaraw pajjiżi jdaħħlu projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ servizzi u prodotti, fil-ġlieda biex pajjiżi jipproteġu u jassiguraw is-sopravivenza tal-popli tagħhom, pajjiżi bħal Malta, li la jimmanifatturaw u lanqas jesportaw dan it-tip ta’ tagħmir mediku protettiv, qed isibu l-għajnuna minn swieq f’pajjiżi fejn Malta bniet relazzjonijiet internazzjonali sodi matul is-snin.”
 
F’din l-okkażjoni, il-ministru faħħar ukoll ix-xogħol tajjeb li qed iwettaq il-korp diplomatiku Malti sabiex jgħin lill-awtoritajiet Maltin iżommu b’saħħitha l-katina tal-provvisti mediċi vitali f’din il-gwerra moderna kontra dan il-virus. Dan apparti l-ħidma sfiqa mwettqa mill-istess korp fil-proċess tar-ripatrijazzjoni ta’ Maltin li għadhom barra u kif ukoll ċittadini oħra li jridu jirritornaw pajjiżhom minn Malta.
 
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista spjega li dawn il-maskri se jitqassmu lil diversi entitajiet fosthom lill-Forzi Armati, lill-Pulizija, lis-Servizzi Korrettivi u lid-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni.
 
Waqt li rringrazzja lill-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur li kopra l-ispejjeż għall-ġarr tal-maskri, is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista żied li l-maskri waħedhom mhux se jwaqqfu l-imxija tal-virus u l-atteġjament tan-nies huwa importanti ħafna. Hawnhekk tenna l-appell tal-gvern biex il-poplu jimxi mal-pariri tal-awtoritajiet u biex in-nies jipproteġu lilhom innfushom u lil ta’ madwarhom billi jibqgħu ġewwa.​

pr200576b.jpeg

pr200576a.jpeg