Malta tissieħeb fil-kampanja internazzjonali ‘Blue Heart’ kontra t-traffikar ta’ persuni

Numru ta' Referenza: PR201441, Data ta' l-Istqarrija : Lul 28, 2020
 
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo u s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar ħabbru s-sħubija ta’ Malta fil-‘Blue Heart Campaign’ tan-Nazzjonijiet Uniti, waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-okkażjoni tal-Jum Dinji kontra t-Traffikar ta’ Persuni, li jiġi mmarkat kull sena fit-30 ta’ Lulju.

Permezz ta’ din is-sħubija, Malta se tagħti l-ewwel kontribut simboliku ta’ €10,000 lill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC), apparti numru ta’ inizjattivi fuq livell lokali maħsuba biex titqajjem aktar kuxjenza dwar din il-pjaga soċjali. Skont il-UNODC, lockdowns, restrizzjonijiet tal-ivjaġġar, nuqqas ta’ riżorsi u miżuri oħra biex irażżnu l-imxija tal-COVID-19, qed iżidu r-riskju għall-persuni vittmi tat-traffikar, bħal nisa u tfal, biex jiġu traffikati għal sfruttament sesswali jew sfruttament ta’ ħidma kif ukoll għar-reklutaġġ tat-tfal suldati, filwaqt li ċ-ċrieki ta’ kriminalità organizzata jkomplu japprofittaw minn din is-sitwazzjoni.

Is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar tkellmet dwar l-importanza li nżidu l-għarfien dwar it-traffikar uman. Sostniet li dan ir-reat huwa realtà anke f’pajjiżna u b’hekk importanti li l-poplu jkun mgħarraf fuq it-traffikar tal-bnedmin. L-istatistika turi li f’Malta l-maġġoranza tal-vittmi huma nisa għal skopijiet ta’ xogħol u ta’ prostituzzjoni. F’dan il-kuntest, saħqet li l-gvern qed jaħdem bis-sħiħ kontra t-traffikar uman u kommess li jibqa’ jiġġieled dan ir-reat kriminali li jikser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Il-Ministru Evarist Bartolo tkellem dwar l-azzjonijiet li ħadet Malta fuq livell internazzjonali kontra t-traffikar ta’ persuni, bħall-approvazzjoni tal-Appell għal Azzjoni biex jintemm ix-Xogħol Sfurzat, Skjavitù Modern u Traffikar ta’ Bnedmin, li tnieda fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda fl-2017 kif ukoll ir-ratifikazzjoni ta’ Protokoll 2014 fuq il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Sfurzat tal-1930, li ġew preżentati lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol is-sena li għaddiet. Dan jikkonferma l-impenn ta’ Malta biex tkompli l-ġlieda tagħha sabiex inwaqqfu l-isfruttar ta’ xogħol, nipproteġu lill-vittmi u noffrulhom aċċess għal rimedju.

Malta ssieħbet uffiċjalment fil-‘Blue Heart Campaign’ fit-23 ta’ Lulju; kampanja internazzjonali li tqajjem kuxjenza biex intejbu l-isforzi globali fil-ġlieda tagħna sabiex nipprevjenu t-traffikar tal-persuni u l-impatt ta’ dan il-fenomenu fuq is-soċjetà. ‘Blue Heart’ qed ssir iktar magħrufa wkoll bħala s-simbolu kontra t-traffikar tal-persuni, fejn fuq naħa tirrappreżenta s-sofferenza tal-persuni traffikati u fuq in-naħa l-oħra l-qalb kiefra tat-traffikanti.​

pr201441a.jpg 
 pr201441b.jpg
pr201441c.jpg 
 pr201441d.jpg