Malta ngħaqdet ma' stati membri oħra tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) biex tiffirma trattat li għandu l-ambizzjoni għal dinja ħielsa minn armi nukleari

Numru ta' Referenza: PR201606, Data ta' l-Istqarrija : Aww 25, 2020
 
Ftit jiem biss wara l-kommemorazzjoni tal-75 anniversarju mill-bumbardamenti atomiċi ta’ Hiroshima u Nagasaki (6 u 9 ta' Awwissu 1945), Malta ngħaqdet ma' stati membri oħra tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) biex tiffirma trattat li għandu l-ambizzjoni għal dinja ħielsa minn armi nukleari. Il- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo ddelega s-setgħa lir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta lin-Nazzjonijiet Uniti Vanessa Frazier, sabiex tiffirma t-Trattat dwar il-Projbizzjoni ta’ Armi Nukleari (TPNW) f’isem il-gvern Malti. Iċ-ċerimonja saret fl-24 ta’ Awwissu, fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York.

Wara din il-firma, Malta saret ir-raba’ u tmenin stat membru tan-NU li ffirmat it-trattat, li huwa magħruf aħjar bħala t-Trattat dwar il-Projbizzjoni Nukleari.

It-test tat-trattat ġie adottat fis-7 ta' Lulju 2017, b'Malta tivvota favur f'dik l-okkażjoni. Il-firma ta' dan it-trattat importanti tkompli tenfasizza l-impenn bla waqfien ta' Malta lejn in-non-proliferazzjoni nukleari u l-ħidma sabiex tinkiseb il-prosperità permezz tal-paċi. Malta temmen li l-isforzi kontinwi tal-komunità internazzjonali fil-qasam tan-non-proliferazzjoni u d-diżarm għandhom ikunu immirati lejn il-kisba ta' dinja ħielsa mill-armi nukleari.

It-Trattat dwar il-Projbizzjoni ta’ Armi Nukleari jipprojbixxi fost oħrajn il-produzzjoni, il-ħażna, it-trasferiment, l-istazzjonar u t-theddida tal-użu ta’ armi nukleari. It-TPNW jipprojbixxi ukoll l-iskjerament ta' armi nukleari fit-territorju nazzjonali u l-għoti ta' għajnuna lil kwalunkwe stat fit-twettiq ta’ attivitajiet projbiti.

Filwaqt li jeżistu trattati oħra li jipprojbixxu numru kbir ta’ armi perikolużi, dan it-trattat partikolari huwa l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu li jitlob il-projbizzjoni tal-armi nukleari.

Il-firma taħbat mal-50 anniversarju tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni (NPT). Għal Malta, l-NPT u t-tliet pilastri tiegħu tad-diżarm nukleari, in-nonproliferazzjoni nukleari u l-użu paċifiċu ta’ l-enerġija nukleari, jibqa’ l-pedament tad-diżarm nukleari multilaterali u n-nonproliferazzjoni.

Intant, Malta, permezz tar-Rappreżentant Permanenti tagħha fi New York, illum għandha tippresjedi avveniment organizzat min-Nazzjonijiet Uniti biex ifakkar il-Jum Internazzjonali Kontra l-Ittestjar Nukleari.

Malta tittama li t-Trattat dwar il-Projbizzjoni ta’ Armi Nukleari jkun jista' jidħol fis-seħħ dalwaqt, hekk kif ħamsin stat membu tan-NU jkunu rratifikawh..

pr201606a.jpg