Malta b’donazzjoni ta’ 20 magna li tiġġenera l-ossiġnu lill-Holy Family Hospital fl-Indja

Malta b’donazzjoni ta’ 20 magna li tiġġenera l-ossiġnu lill-Holy Family Hospital fl-Indja

Numru ta' Referenza: PR210823, Data ta' l-Istqarrija : Mej 03, 2021
 
Malta se tibgħat 20 magna li tiġġenera l-ossiġnu permezz tal-elettriku lill-Indja, li bħalissa tinsab f’qagħda mwiegħra minħabba l-konsegwenzi serji tal-imxija tal-pandemija COVID-19.

Fuq inizjattiva tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, bil-kollaborazzjoni tal-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u l-Ministeru għas-Saħħa, din id-donazzjoni se toffri soljev qawwi għall-Holy Family Hospital fil-belt kapitali tal-Indja, New Delhi, li hija fost l-agħar milquta mill-imxija tal-pandemija, u dan hekk kif maqbul mad-direttur ta’ dan l-isptar.

It-tagħmir mediku mogħti mill-Gvern Malti, li jżid il-konċentrazzjoni ta’ ossiġnu billi jiffiltra n-nitroġenu mill-arja, huwa maħsub għal pazjenti li għandhom dipendenza qawwija fuq it-terapija bl-ossiġnu, li bħalissa huwa tant skars u bżonjuż fl-Indja.

Din hija ħolqa oħra minn kullana ta’ inizjattivi li l-gvern kontinwament isostni fil-kamp uminatarju internazzjonali permezz tal-fond uffiċjali għall-assistenza għall-iżvilupp.

L-inizjattivi huma possibbli grazzi għall-fatt li l-gvern kien għaqli biżżejjed biex laqa’ għad-domanda tat-tagħmir mediku meħtieġ għall-benesseri tal-poplu Malti u Għawdxi fil-bidu tal-imxija tal-pandemija COVID-19, u għaldaqstant, illum jinsab f’qagħda li jgħin lil pajjiżi oħra biex jegħlbu din l-isfida globali.​

Photo of the oxygen concentrator boexes 
 Oxygen concentrators packed for departure in boxes.