Malta tniedi għall-ewwel darba Djalogu Nazzjonali dwar is-Sistemi tal-Ikel

Malta tniedi għall-ewwel darba Djalogu Nazzjonali dwar is-Sistemi tal-Ikel

Numru ta' Referenza: 09072021, Data ta' l-Istqarrija : Lul 09, 2021
 
Fid-9 ta’ Lulju, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, organizza għall-ewwel darba Djalogu Nazzjonali dwar is-Sistemi tal-Ikel. Din l-inizjattiva tagħmel parti mill-lagħqa tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar is-Sistemi tal-Ikel li ħa tkun qed tiġi organizzata f’Settembru li ġej. Dawn id-Djalogi Nazzjonali, qed jiġu mlaqqa’ mad-dinja kolla bil-għan li nsaħħu l-impenn komuni tagħna biex nimplimentaw l-għanijiet tal-programm tal-Iżvilupp Sostenibbili, billi niffukaw fuq il-bżonn li nistabilixxu sistemi tal-ikel aktar tajbin għas-saħħa u sostenibbli.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, l-Onor. Evarist Bartolo, wassal messaġ b’video, fejn esprima l-viżjoni u l-impenn tal-Gvern sabiex jirnexxilna nistabilixxu sistemi tal-ikel sostenibbli li jagħtu priorità lis-saħħa tan-nies. Id-diskussjoni nazzjonali kienet ippreseduta mis-Sur John Busuttil, Direttur Kwistjonijiet Globali, fil- Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej. Fid-diskors tal-ftuħ, is-Sur Busuttil identifika l-oggettivi ta’ dan id-djalogu nazzjonali li matulu ipparteċipaw rapprezentati minn varji Ministeri u Dipartimenti tal-Gvern, mill-Kamra tal-Kummerc, mill-Fondazzjoni Maja, kif ukoll għaqdiet mhux governattivi u diversi persuni u għaqdiet li għandhom interess fuq it-tema tal-ikel.

Seba’ kelliema ewlenin ipparteċipaw f’djalogu bit-titlu “Bidliet fil-ħajja tagħna favur sistemi tal-ikel aktar sostenibbli’. Fl-introduzzjoni giet imsemmija l-problema li f’Malta hawn livelli għoljin ta’ obeżità fit-tfal. Il-kelliema saħqu fuq il-bżonn li l-konsumatur ikollu aċċess għal ikel bnin u rhis u l-azzjonijiet li jistgħu jittieħdu mill-gvern, iċ-ċittadini u s-setturi involuti biex nattwaw dan il-għan.

Wara li kull kelliem kellu l-opportunita li jaqsam il-ħsibijiet u l-ideat tiegħu fuq din it-tema, l-parteċipanti kellhom ukoll l-opportunità biex jaqsmu l-ħsibijiet u l-mistoqsijiet tagħhom. Dawn l-interventi servew sabiex tingħata stampa aktar cara minn perspettivi differenti. Id-djalogu kien instrumentali sabiex ngħarfu l-isfidi li għandna quddiemna u l-passi li rridu nieħdu sabiex nibnu sistema tal-ikel aktar bnina u sostenibbli, b’mod li t-tfal u ż-żgħażagħ jiġu mħeġġa biex jibnu relazzjoni b’saħħitha u sostenibli ma’ dak li jieklu.

Id-diskors tal-għeluq kien preżentat mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali, is-Sur Sharlo Camilleri. Is-Sur Camilleri semma’ kif l-għan aħħari ta’ dan l-eżerċizzju hu li niżviluppaw strategija ta’ kif għandhom ikunu qed jaħdmu s-sistemi tal-ikel fil-2030 u sabiex iservi ta’ preparament għas-Summit Dinji tas-Sistemi tal-Ikel li ħa jkun qed jiġi organizzat f’New York, f’ Settembru li ġej.

A photo showing the participants of the Food Summit