Malta tikkontribwixxi għall-fond tal-IAEA fil-ġlieda kontra l-COVID-19

Numru ta' Referenza: 09122020, Data ta' l-Istqarrija : Diċ 09, 2020
 
Malta kkontribwixxiet tagħmir protettiv personali li jammonta għal €25,000 lill-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (IAEA), fil-ġlieda tagħha kontra l-COVID-19.

Ir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-Organizzazzjonijiet Internazzjonali fi Vjenna, flimkien mad-Direttorat Ġenerali għall- Affarijiet Globali, l-Iżvilupp Internazzjonali u l-Affarijiet Ekonomiċi tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej ikkordinaw din il-kontribuzzjoni li kienet tikkonsisti f’tagħmir bħal sanitizer għall-idejn, u maskri tal-wiċċ, lid-Dipartiment tax-Xjenza u l-Applikazzjonijiet Nukleari tal-Aġenzija, responsabbli għall-ġlieda tal-IAEA kontra l-COVID-19.

L-isforzi kontinwi tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika, mill-bidu tal-pandemija fl-ewwel ftit xhur tal-2020, s’issa għenu aktar minn 126 Stat Membru madwar id-dinja. Din l-Aġenzija kienet waħda mill-ftit organizzazzjonijiet internazzjonali li effettivament uzat in-netwerk diġà stabbilit tagħha fil-verifiki nukleari madwar id-dinja, sabiex twassal tagħmir lil dawn l-Istati Membri, li kien jinkludi ukoll testijiet PCR.

Malta riedet li tagħti s-sehem tagħha sabiex tassisti lil dawn il-pajjiżi fil-ġlieda tagħhom kontra l-COVID-19, billi tikkontribwixxi dan it-tagħmir lil organizzazzjoni internazzjonali b'rekord eċċellenti f’dan il-qasam. Grazzi għall-kollaborazzjoni mal-IAEA, matul dawn l-aħħar snin, Malta nnifisha bbenefikat minn fondi u esperti li ippermettew l-implimentazzjon ta għadd ta proġetti li il-valur tagħhom jammonta ‘l fuq min 4 miljun ewro, f’setturi bħat-trattament tal-kanċer, il-protezzjoni mir-raġġi, il-kollezzjoni tal-ilma u l-ħarsien tal-wirt Malti


A photo of the personal protective equipment donated by Malta