Malta tkompli tappoġġja l-Istitut Internazzjonali għall-Ġustizzja u s-Saltna tad-Dritt

Malta tkompli tappoġġja l-Istitut Internazzjonali għall-Ġustizzja u s-Saltna tad-Dritt

Numru ta' Referenza: 09112021, Data ta' l-Istqarrija : Nov 09, 2021
 
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, is-Sur Christopher Cutajar, mexxa lid-delegazzjoni Maltija fil-laqgħa tal-Bord tat-Tmexxija tal-Amministraturi tal-Istitut Internazzjonali tal-Ġustizzja u l-Istat tad-Dritt (IIJ). Il-laqgħa ttellgħet fil-Belt Valletta f’format hybrid bejn it-8-9 ta’ Novembru 2021. L-IIJ ġie mwaqqaf fl-2014 u hu bbażat fil-Belt Valletta. Dan l-Istitut jaħdem sabiex itejjeb is-saltna tad-dritt fl-Afrika u fil-Lvant Nofsani, bl-għan ewlieni jkun dak li jħarreġ professjonisti u uffiċjali involuti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.
 
Id-diretturi rispettivi tal-IIJ taw aġġornamenti dwar l-aħħar programmi, attitivitajiet akkademiċi, amministrazzjoni u komunikazzjoni. Matul il-laqgħa ġiet diskussa wkoll l-implimentazzjoni tar- rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-Reviżjoni Strateġika, kif ukoll ingħata l-aħħar aġġornament dwar it-tfittxija għal Segretarju Eżekuttiv ġdid. Waqt il-laqgħa, is-Sur Cutajar ikkonferma l-impenn kontinwu ta’ Malta favur it-tkabbir tal-IIJ u kkommetta kontribuzzjoni finanzjarja ta’ €30,000 għall-baġit ewlieni tal-IIJ. Matul l-intervent tiegħu, huwa sostna l-importanza li l-IIJ tkompli tikkonsolida l-internazzjonalizzazzjoni tagħha b’mod sostnut, sabiex tkompli tissaħħaħ l-organizzazjoni innifisha.
 
L-impenn ta’ Malta sabiex tappoġġja organizzazjonijet internazzjonali li huma kommessi li jgħinu prosekuturi, ġudikanti, uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u professjonisti oħra, huwa kruċjali f’xenarju li dejjem qed jevolvi, fejn in-natura tat-terroriżmu hija varjata ħafna u tista’ tiġi ffaċċjata biss permezz tal-ħolqien ta’ sinerġiji internazzjonali bejn korpi governattivi differenti.​

Permanent Secretary Chrisopher Cutajar at the IIJ meeting.