Malta tikkommetti aktar fondi għall-Fondazzjoni Anna Lindh

Malta tikkommetti aktar fondi għall-Fondazzjoni Anna Lindh

Numru ta' Referenza: PR221227, Data ta' l-Istqarrija : Ġun 28, 2021
 
Malta ilha tikkontribwixxi b’mod regolari għall-baġit tal-Fondazzjoni Anna Lindh sa mill-2005, b’sostenn għax-xogħol tal-Fondazzjoni fuq djalogu kulturali fil-Mediterran. 

Il-Fondazzjoni tiffoka l-ħidma tagħha fuq il-ġlieda kontra d-diskors estremista u r-radikalizzazzjoni; billi tippromovi soċjetà inklussiva u kultura bbażata fuq id-djalogu. Bħala stat li jqis il-Mediterran fiċ-ċentru tal-politika barranija tiegħu, Malta tqis l-attivitajiet tal-Fondazzjoni bħala mezz important għat-tisħiħ tad-djalogu u l-koperazzjoni fir-reġjun.

Malta u l-fondazzjoni kkoperaw fuq diversi proġetti fl-aħħar snin. Fl-2016, Malta ospitat il-Med Forum li ffoka fuq mexxejja fil-qasam taż-żgħażagħ u s-soċjetà ċivili. Malta hija ukoll attiva fl-avvenimenti tal-Young Mediterranean Voices, u ospitat avvenimenti regolari mill-2018. Fl-2019, rappreżentanti taż-żgħażagħ iltaqgħu mal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Grupp 5+5 tad-Djalogu tal-Mediterran tal-Punent waqt il-laqgħa tagħhom f’Malta, u l-Forum dwar iż-Żgħażagħ, il-Mobilità u l-Edukazzjoni li sar f’Malta bi preparazzjoni għas-Summit taż-Żewġt Ixtut, kif ukoll f’laqgħa oħra li saret fil-marġni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda f’New York. 

Bħas-snin preċedenti, Malta qed tikkommetti s-somma ta’ €100,000 fuq medda ta’ tliet snin għall-perjodu 2021-2023 għall-baġit tal-fondazzjoni b’sostenn għall-attivitajiet tagħha. Din il-kontribuzzjoni se sservi sabiex jitkompla d-djalogu bejn is-soċjetà ċivili, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u oħrajn, ħalli tisseddaq il-paċi fil-Mediterran.