Malta tappella għal sostenn b’saħħtu tal-Unjoni Ewropea fil-Libja, fejn il-ġlied persistenti qed jimmina l-ġlieda kontra t-tixrid tal-COVID-19 waqt li jżid ir-riskju tal-migrazzjoni irregolari

Numru ta' Referenza: PR200612, Data ta' l-Istqarrija : Apr 04, 2020
 
Reġgħu ltaqgħu b’mod virtwali l-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea, flimkien mar-Rappreżentant Għoli, Josep Borrell, biex jiddiskutu l-aħħar żviluppi b’rabta mal-impatt tal-COVID-19 u t-tisħiħ tal-koperazzjoni u s-solidarjetà bejn l-istati membri fil-ġlieda komuni kontra din il-pandemija.
 
Il-ministri tkellmu dwar l-ħidma tar-ripatrijazzjoni li permezz tagħha sa issa nġiebu mat-tliet mija u ħamsin elf (350,000) persuna lura lejn l-Unjoni Ewropea, waqt li hu stmat li għad fadal mal-mitejn u ħamsin elf (250,000) ċittadin maqbuda barra.
 
Waqt li sar appell għal aktar koperazzjoni biex ikun faċilitat l-ivjaġġar bejn l-istati membri stess, intqal kif bosta pajjiżi ngħataw sostenn finanzjarju mill-Unjoni Ewropea biex saru ’l fuq minn mitejn (200) titjira ta’ ripatrijazzjoni, f’eżempju ċar tas-solidarjetà Ewropea fil-prattika.
 
F’dan ir-rigward, il-ministri esprimew il-ħtieġa li jiżdied l-għarfien dwar il-ħidma li għaddejja fuq livell Ewropew permezz ta’ narrattiva strateġika msejsa fuq il-fatti. Min-naħa tiegħu, il-Ministru Bartolo fisser kif l-aqwa strateġija ta’ komunikazzjoni tirriżulta minn solidarjetà sħiħa bejn l-istati membri fil-prattika, u mhux l-egoiżmu li qed naraw bħalissa fil-forniment tal-prodotti mediċi bejn l-istati membri.
 
B’referenza għall-Joint Protection Mechanism, il-Ministru Bartolo sostna li dan il-proċess għandu jiġi aċċellerat biex nassiguraw li t-tagħmir mediku meħtieġ jasal għand is-servizzi tas-saħħa fl-iqsar żmien possibbli.
 
Matul il-laqgħa, il-ministri tkellmu wkoll dwar l-importanza tal-koperazzjoni internazzjonali biex tingħeleb din l-isfida globali, b’mod partikolari b’ħidma mill-qrib mal-Afrika fejn it-tixrid tal-pandemija jista’ jkollha impatt serju fuq l-aspett politiku, ekonomiku u soċjali tal-kontinent ġar tagħna. F’dan il-kuntest, il-Ministru Evarist Bartolo tenna l-appell ta’ Malta għal assistenza b’saħħitha fil-Libja fejn il-ġlied persistenti qed jimmina l-kapaċità tal-pajjiż li jnaqqas it-tixrid tal-COVID-19, waqt li żdied ukoll ir-riskju ta’ żieda fil-migrazzjoni irregolari. 
 
Hawnhekk, irrefera għall-importanza li mill-aktar fis possibbli titħaddem l-operazzjoni l-ġdida fil-Mediterran, IRINI, li tnediet riċentament biex filwaqt li timplimenta r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, tkisser ix-xibka tat-traffikar ta’ bnedmin.
 
Il-Ministru Bartolo temm b’appell lill-istati membri biex jaraw li bastimenti ta’ NGOs li qed ibaħħru fil-Mediterran u li jtajru l-bandiera tagħhom, josservaw il-liġi internazzjonali u jfakkruhom fir-responsabbiltajiet tagħhom.​

pr200612a.jpg 
 
 pr200612b.jpg