Malta ssejjaħ biex jitnaqqsu t-tensjonijiet fil-Lvant Nofsani

Malta ssejjaħ biex jitnaqqsu t-tensjonijiet fil-Lvant Nofsani

Numru ta' Referenza: PR210886, Data ta' l-Istqarrija : Mej 11, 2021
 
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej tar-Repubblika ta’ Malta qed isegwi mill-qrib l-iżviluppi fil-Palestina u jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-eskalazzjoni vjolenti li seħħet matul il-ġranet li għaddew f’Ġerusalemm tal-Lvant u r-rokits li ġew sparati fuq Iżrael minn Gaża.

Il-ministeru jappella lil dawk kollha fuq kull naħa sabiex jieħdu azzjoni immedjata u urġenti bil-għan li jonqsu t-tensjonijiet, biex tieqaf il-vjolenza u sabiex dawk kollha responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja. Il-ministeru jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi, inklużi nies ċivili li sfaw midruba, u jtenni l-ħtieġa li jkun rispettat id-dritt tal-Palestinjani sabiex ma jkunux imċaħħda minn djarhom f’Ġerusalemm tal-Lvant. Malta ttenni l-appoġġ sħiħ tagħha għal żewġ stati fil-Lvant Nofsani.​