Malta f’laqgħa tal-Kunsill konġunt tal-Affarijiet Barranin u tad-Difiża tal-Unjoni Ewropea

Malta f’laqgħa tal-Kunsill konġunt tal-Affarijiet Barranin u tad-Difiża tal-Unjoni Ewropea

Numru ta' Referenza: PR212057, Data ta' l-Istqarrija : Nov 16, 2021
 
Il-Ministri Ewropej għall-Affarijiet Barranin u tad-Difiża kellhom laqgħa konġunta fi Brussell biex jiddiskutu l-ewwel proposta uffiċjali tal-‘Boxxla Strateġika’ tal-Unjoni Ewropea. Il-‘Boxxla Strateġika’ tal-UE, ladarba tkun approvata, se tiggwida lill-UE fil-politika tas-sigurtà u tad-difiża għall-ħames sa għaxar snin li ġejjin. F’din il-laqgħa ħadu sehem il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri.

Il-‘Boxxla Strateġika’ għandha tippermetti lill-UE tagħti sigurtà akbar liċ-ċittadini Ewropej biex tiffaċċja l-isfidi attwali filwaqt li tkun imsejsa fuq il-valuri fundamentali Ewropej.

Il-pożizzjoni ta’ Malta saħqet li l-viċinat tal-Unjoni Ewropea, li għadu fi stat prekarju ta’ kunflitti mhux riżolti, għandu jkun l-ogħla prijorità tal-impenn estern tal-UE. F’dan ir-rigward, Malta laqgħet l-inklużjoni tal-Libja fil-‘Boxxla Strateġika’. Malta saħqet ukoll fuq il-prijorità ta’ djalogu kontinwu mal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf Għarbi u l-Unjoni Afrikana fid-dawl tad-dinamika reġjonali. Barra minn hekk, l-aspetti tal-bini tal-kapaċità tal-ġestjoni tal-kriżi jibqgħu ta’ importanza ewlenija u għalhekk għandhom jingħataw aktar prominenza fl-istrateġija. Strateġikament, l-UE għandha tibda tqarreb il-ktajjen tal-provvista li jitimgħu l-ekonomija tagħha, u b’hekk tevita vulnerabbiltajiet u dipendenzi fuq reġjuni ’l bogħod.

Malta tenniet li l-azzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fiż-żamma tal-paċi u fl-immaniġġjar tal-kriżijiet għandhom ikunu ankrati sew fil-qafas multilaterali tan-Nazzjonijiet Uniti. L-UE għandha tfittex li tgħaqqad b’mod effettiv il-poter iebes u artab sabiex tindirizza l-kriżijiet b’mod ħolistiku u sostenibbli. Malta fakkret li l-unanimità fil-Politika ta’ Sigurtà u Difiża Komuni tibqa’ l-prinċipju ta’ gwida.​