Malta u s-Slovenja jiddiskutu r-reġjun Ewro-Mediterranju

Malta u s-Slovenja jiddiskutu r-reġjun Ewro-Mediterranju

Numru ta' Referenza: PR211573, Data ta' l-Istqarrija : Aww 28, 2021
 
Malta u s-Slovenja kellhom taħditiet dwar ir-reġjun Ewro-Mediterranju u l-involviment taż-żewġ pajjiżi bil-ħsieb li jkun hemm ħidma dejjem iżjed attiva b’risq dan ir-reġjun. Iż-żewġ pajjiżi ddiskutew il-patt dwar l-immigrazzjoni u l-ażil  fid-dawl ta’ sfidi li ilhom magħna fil-fruntieri Ewropej u anke b’rabta ma’ fenomeni li qed jiżvolġu bħalma hija l-kwistjoni tal-Afganistan. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo mexxa dawn it-taħditiet f’laqgħat bilaterali mal-President tar-Repubblika Slovena, Borut Pahor; mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tas-Slovenja, Anže Logar u mal-President tal-Assemblea Nazzjonali, Igor Zorčič, fil-kapitali Ljubljana. Flimkien mal-ministru għall-affarijiet barranin Sloven, il-Ministru Bartolo ddiskuta l-aspettattivi marbuta mal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew li bħalissa tinsab f’idejn ir-Repubblika Slovena.

Il-Ministru Bartolo kellu laqgħa ta’ korteżija mal-President Sloven li matulha ġiet diskussa s-sitwazzjoni fiż-żewġ pajjiżi b’rabta mal-pandemija u sitwazzjonijiet li qed jevolvu f’reġjuni varji madwar id-dinja. Tul il-laqgħa mal-President tal-Assemblea Nazzjonali ġew diskussa wkoll il-possibilitajiet ta’ koperazzjoni bejn il-Kamra tar-Rappreżentanti Slovena u dik Maltija.

Is-Segretarju Permanenti għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Christopher Cutajar akkumpanja lill-Ministru Bartolo tul din iż-żjara, u kellu wkoll laqgħa mas-Segretarju tal-Istat Gašper Dovžan, li matulha ddiskutew aspetti ta’ kollaborazzjoni fuq livell internazzjonali b’mod speċjali b’rabta mat-temi li se jkunu qed jingħataw prijorità tul il-Presidenza Slovena tal-Kunsill Ewropew.​

Minister Evarist Bartolo with Minister of Foreign Affairs of Slovenia, Anže Logar 
Minister Evarist Bartolo with Minister of Foreign Affairs of Slovenia, Anže Logar 
Minister Evarist Bartolo with Minister of Foreign Affairs of Slovenia, Anže Logar
Photo Credit - Ministry of Foreign Affairs of the Republic of Slovenia