Ir-relazzjonijiet bejn Malta u s-Serbja diskussi f’Belgrad

Ir-relazzjonijiet bejn Malta u s-Serbja diskussi f’Belgrad

Numru ta' Referenza: PR211829, Data ta' l-Istqarrija : Ott 05, 2021
 
Ir-relazzjonijiet bejn Malta u s-Serbja kif ukoll ir-relazzjonijiet tal-pajjiżi fil-Punent tal-Balkani mal-Unjoni Ewropea ġew diskussi f’laqgħat li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo kellu fil-kapitali Serba Belgrad. Il-Ministru Bartolo kellu laqgħa mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tas-Serbja Nikola Selakovic u ħa sehem ukoll fil-‘Belgrade Economic Forum’ imtella’ mid-Delphi Economic Forum.

Fil-jiem li ġejjin is-Serbja se tkun qed tiftaħ konsulat f’Malta biex tkun ta’ servizz għall-komunità tas-Serbi li jgħixu f’Malta. 

Il-Ministru Bartolo esprima l-appoġġ sħiħ ta’ Malta biex pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, fosthom is-Serbja, jingħaqdu fil-blokk Ewropew. Huwa saħaq li l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li tinvesti aktar sabiex dan it-tkabbir ikun wieħed effettiv li jkattar konvinzjoni sħiħa fost dawn il-popli rigward il-proġett Ewropew. 

Il-Ministru Bartolo enfasizza li l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li tagħti iżjed importanza lin-naħa ta’ isfel tal-Ewropa, inkluż ir-reġjun Ewro-Mediterranju, f’rabta sħiħa ma’ politika li tagħti lok għal relazzjonijiet imsaħħin mal-pajjiżi tal-Afrika. Il-ħolqien tal-opportunitajiet fost dawn il-popli iservi ta’ għodda tajba favur il-paċi, is-sigurtà u l-prosperità. 

Matul din iż-żjara l-Ministru Bartolo ltaqa’ wkoll mal-Ministru għax-Xogħol, il-Veterani tal-Gwerra u l-Politika Soċjali Darija Kisic Tapavcevic. Tul din il-laqgħa ġiet diskussa l-qagħda tal-komunità Serba fis-suq tax-xogħol Malti u kif ir-rabtiet bejn iż-żewġ pajjiżi jistgħu joffru qafas li jgħin f’dan ir-rigward. 

Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Christopher Cutajar akkumpanja lill-Ministru Bartolo tul il-laqgħat, filwaqt li kellu wkoll laqgħa mas-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Barranin Nemanja Starovic. Matul din il-laqgħa ġew diskussi il-prospetti ekonomiċi fiż-żewġ pajjiżi, kollaborazzjoni marbuta mal-ħidma fin-Nazzjonijiet Magħquda, kif ukoll il-ħidma tas-Serbja biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea.​

Serbian Minister of Foreign Affairs Nikola Selakovic greets Minister Evarist Bartolo in Belgrade 
Minister Evarist Bartolo meets Minister for Labour, War Veterans and Social Policy Darija Kisic Tapavcevic 
Permanent Secretary Christopher Cutajar meets the Serbian Secretary of State for Foreign Affairs Nemanja Starovic