Malta Ko-president tal-Laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tad-Djalogu 5+5 tal-Mediterran tal-Punent

Numru ta' Referenza: PR202051, Data ta' l-Istqarrija : Ott 22, 2020
 
Fit-22 ta’ Ottubru,  il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo pparteċipa bħala l-President Konġunt tas-16-il Laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tad-Djalogu 5+5 tal-Mediterran tal-Punent, ospitat virtwalment mit-Tuneżija. It-tema prinċipali tal-Laqgħa Ministerjali kienet ‘Flimkien għas-Sigurtà Kollettiva u Partenarjat fil-Punent tal-Mediterran’. Kienet adottata wkoll dikjarazzjoni. 
 
Għal-Laqgħa Ministerjali attendew il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi tal-5+5 – l-Alġerija, Franza, l-Italja, Malta, l-Marokk, t-Tuneżija, l-Mawritanja, l-Portugal u Spanja. Ipparteċipaw ukoll l-istituzzjonijiet osservaturi, inkluż it-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea Josep Borrell.
 
Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru Bartolo tkellem dwar l-importanza tad-djalogu fir-reġjun tal-Mediterran ħalli tisseddaq il-kooperazzjoni, b’mod partikolari fiċ-ċirkustanzi preżenti fejn il-pajjiżi kollha qed jiffaċċjaw sfidi ħabba l-pandemija.
 
Il-ministru tenna wkoll is-sostenn ta’ Malta għall-inizjattivi li jiffaċilitaw il-paċi u l-istabbiltà fil-Libja bħala l-objettiv prinċipali tal-politika barranija ta’ Malta. F’dan il-kuntest,  Malta qed tkun proattiva mar-rappreżentanti Libjani kollha sabiex jiġu kkreati l-kundizzjonijiet għad-djalogu. Malta wkoll tilqa’ ix-xogħol tan-Nazzjonijiet Magħquda u tal-Missjoni ta’ Sostenn tan-Nazzjonijiet Magħquda fil-Libja.
 
B’referenza għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani, il-ministru tenna l-pożizzjoni konsistenti ta’ Malta favur żewġ stati, f’konformità mar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda u l-parametri maqbula internazzjonalment.
 
Rigward il-migrazzjoni, il-Ministru Bartolo sostna l-bżonn li l-migrazzjoni irregolari tiġi indirizzata b’mod komprensiv u ħolistiku ħalli jitnaqqas iċ-ċaqlieq tan-nies filwaqt li jiġu sostnuti l-ekonomija u l-iżvilupp soċjali fil-pajjiżi tal-oriġini.
 
Il-ministru tkellem ukoll dwar l-importanza li jiġu mwettqa l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ u li jingħataw futur stabbli u ta’ prosperità lill-ġenerazzjonijiet futuri.
 
Fl-aħħar tal-laqgħa, il-Ministru Bartolo awgura lil Spanja talli se tassumi il-Ko-presidenza tat-Tramuntana tal-5+5, wara li t-terminu ta’ Malta jasal fi tmiemu fl-aħħar tas-sena 2020.​