Tnedija tal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar in-Nisa, Paċi u Sigurtà

Numru ta' Referenza: PR202140, Data ta' l-Istqarrija : Ott 30, 2020
 
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo nieda l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar in-Nisa, Paċi u Sigurtà.

Dan skont l-impenn ta’ Malta b’rabta mar-riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill għas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, liema riżoluzzjoni tiffoka fuq l-impatt negattiv tal-kunflitti bl-armi fuq in-nisa u l-bniet u tafferma l-importanza tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-proċessi ta’ paċi u riżoluzzjoni tal-kunflitti. 

Il-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali huwa frott ta’ inizjattiva tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej b’kollaborazzjoni mas-Segretarjat Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi bis-sostenn ta’ diversi dipartimenti, akkademiċi u ċittadini.

Dan il-Pjan se jippermetti lill-Gvern Malti biex jintegra iktar kwistjonijiet dwar in-nisa, paċi u sigurtaà u dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu. Il-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali jimmira wkoll li jassigura li l-bżonnijiet speċifiċi tan-nisa li jgħixu Malta u li esperjenzaw kunflitt jiġu indirizzati b’servizzi li jipprovdu sapport sabiex jirkupraw mit-trawma.

Fl-intervent tiegħu, il-Ministru Bartolo qal li Malta se tkompli taħdem biex tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-Korp Diplomatiku, fil-Forzi Armati u fil-Korp tal-Pulizija.

Huwa  ħabbar ukoll li bħala turija ta’ mpenn b’saħħtu għar-riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, Malta appuntat lill-Cecilia Attard Pirotta bħala l-ewwel Ambaxxatriċi għan-Nisa, Paċi u Sigurtà. Hija se tmexxi kumitat responsabbli mill-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali, kif ukoll mill-kwistjonijiet kollha li jolqtu n-nisa, paċi u sigurtà.

Dan kollu parepassu mat-twemmin ta’ Malta li n-nisa u l-bniet li esperjenzaw kunflitti u/jew qegħdin f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, għandhom ikunu emanċipati biex jipparteċipaw b’mod ugwali f’kull aspett tas-soċjetà tagħhom, inkluż dak politiku u ekonomiku u li jkollhom aċċess ugwali għas-sigurtà soċjali, u dan bħala prerekwiżit tal-iżvilupp sostenibbli għall-ħolqien ta’ soċjetajiet inklużivi u paċifiċi.​

Minister for Foreign and European Affairs Evarist Bartolo addressing the press conference. 
 Minister Evarist Bartolo and Ambassador Cecilia Attard Pirotta with the Action Plan Booklet for Women, Peace & Security.
 Ambassador Cecilia Attard Pirotta  addressing the press conference.