Laqgħa konġunta tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea dwar titjib fil-koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fuq l-immigrazzjoni

Laqgħa konġunta tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea dwar titjib fil-koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fuq l-immigrazzjoni

Numru ta' Referenza: PR210524, Data ta' l-Istqarrija : Mar 16, 2021
 
Il-Ministri għall-Affarijiet Barranin u dawk tal-Intern tal-Unjoni Ewropea ħadu sehem f’laqgħa informali konġunta li matulha ddiskutew id-dimensjoni tal-migrazzjoni esterna. 

Din il-laqgħa ffukat primarjament fuq żewġ temi, dik dwar ir-ritorn tal-immigranti u kif din it-tema tista’ tkun parti mid-diskussjonijiet bilaterali ma’ pajjiżi terzi, u dik dwar kif il-membri stati tal-Unjoni Ewropea jistgħu jikkoperaw u jikkordinaw aħjar flimkien. 

Fl-intervent tiegħu, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo sostna li m’hemmx lok għal kompjaċenza għax filwaqt li l-wasliet ta’ migranti irregolari huma fl-iktar livell baxx għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi, in-numru ta’ wasliet fil-Mediterran Ċentrali huma fl-ogħla livell fl-aħħar tliet snin. Huwa fisser li n-numri mhumiex ogħla minħabba li l-Gwardja tal-Kosta Libjana interċettat madwar 3,200 migrant irregolari fl-ewwel xahrejn biss. Dan juri kemm huma fraġli u vulnerabbli l-fruntieri tal-UE fil-Mediterran Ċentrali.

Il-Ministru Bartolo qal li jekk il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet tagħha ma jitkellmux b’vuċi waħda, l-Unjoni Ewropea tkun reġgħet falliet fuq din it-tema. Huwa sejjaħ għal approċċ speċifiku bbażat fuq inċentivi pożittivi u fuq il-bżonnijiet tal-imsieħba tagħna. Dan jista’ jsir billi jkun hemm allinejament tal-miżuri differenti bħal koperazzjoni dwar l-iżvilupp, il-viża u l-kummerċ. Barra minn hekk, huwa saħaq li t-traffikar ta’ persuni jrid ikun attakkat b’mod aggressiv filwaqt li jsiru proġetti ta’ investiment fil-pajjiżi terzi biex b’hekk jinħolqu opportunitajiet ekonomiċi oħra.

Enfasizza wkoll ix-xogħol li qed twettaq Malta, flimkien ma’ diversi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, biex jitwaqqaf Ċentru Internazzjonali dwar l-Iżvilupp tal-Politika ta’ Migrazzjoni fin-Nofsinhar tal-Mediterran. Dan iċ-ċentru huwa maħsub biex jipprovdi taħriġ lill-professjonisti li joperaw f’dan il-qasam. 

Il-Ministru Bartolo temm b’aċċenn fuq l-importanza tal-istabbiltà fil-Libja speċjalment wara li l-ħatra tal-Gvern ta’ Unità Nazzjonali. 

Din il-laqgħa kienet indirizzata wkoll mill-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri. Il-Ministru Camilleri sejjaħ għal impenn aktar b’saħħtu mill-Unjoni Ewropea f’pajjiżi ta’ tranżitu, inkluż fil-Libja.  

Il-Ministru Camilleri sejjaħ ukoll għal programmi ta’ fondi flessibbli li jkunu jinkludu fondi speċifiċi għal diversi reġjuni. Huwa saħaq dwar l-importanza li jkunu evitati lakuni bejn programm ta’ fondi u ieħor biex ikun evitat l-impatt negattiv fuq ix-xogħol li qed twettaq l-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam. 

Filwaqt li sejjaħ għal aktar riżultati tanġibbli f’din id-dimensjoni, il-Ministru Byron Camilleri rrimarka l-importanza ta’ kollaborazzjoni aħjar bejn il-membri stati. F’dan il-kuntest, il-Ministru għall-Intern saħaq dwar il-bżonn ta’ koperazzjoni bejn dawk il-pajjiżi li għandhom preżenza diplomatika f’dawk il-pajjiżi terzi u dawk li m’għandhomx, billi jqisu wkoll l-interessi ta’ dawn tal-aħħar, jekk irridu li l-Unjoni Ewropea tibgħat messaġġ koerenti u l-azzjonijiet jitwettqu.​