Indirizz lill-Korp Konsolari mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, l-Onor. Evarist Bartolo, fl-okkażjoni tas-sena l-ġdida

Numru ta' Referenza: PR210056, Data ta' l-Istqarrija : Jan 12, 2021
 
 


Għeżież Kollegi

Is-sena t-tajba. 

Fil-bidu ta’ sena ġdida ta’ ħidma tajjeb li nġeddu l-impenn tagħna lkoll li nservu lil pajjiżna billi naħdmu għall-paċi ma’ pajjiżi oħra, favur id-djalogu u r-rispett biex intejbu l-għixien tal-poplu tagħna u ngħollu ġieh pajjiżna billi f’dak li ngħidu u nagħmlu nkunu ta’ unur għall-pajjiżna.


1) Inservu lil pajjiżna

Dmirna hu li nservu lill-Maltin u lill-Għawdxin. F’pajjiżna stess u ‘l bogħod minn xtutna.

Għandna Maltin u Għawdxin jgħixu barra mill-gżejjer tagħna kważi daqskemm għandna jgħixu hawn.

Dmirna li nservuhom.

Dmirna li fit-tfassil u fit-tħaddim tar-relazzjonijiet tagħna mal-bqija tad-dinja naħdmu biex nilħqu l-aktar qbil wiesgħa li nistgħu f’pajjiżna.

Dmirna li naħdmu ma’ ministeri oħra u mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili għall-ġid komuni tal-poplu tagħna.


2) Favur il-paċi mal-pajjiżi l-oħra

Dmirna li niżviluppaw rabtiet għall-ġid u fil-paċi mal-ġirien tagħna fl-Ewropa, fil-Mediterran, fl-Afrika u mal-akbar numru possibbli ta’ pajjiżi, anki dawk li jkollhom xi jgħidu ma’ xulxin, biex ngħinu ntejbu l-ħajja tal-poplu tagħna.

Bħal pajjiżi oħra għandu jkun possibbli wkoll għalina li jkollna kummerċ anki ma’ dawk il-pajjiżi li mhux bilfors naqblu mal-politika tagħhom. Għalhekk nilqgħu ħafna l-ftehim li sar dwar l-investiment u l-kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina dan l-aħħar.

Nilqgħu wkoll l-iżvilupp fl-aħħar jiem ta’ ftehim bejn il-pajjiżi kollha tal-Golf Għarbi imsieħba fil-Kunsill għall-Koperazzjoni tal-Golf.

Aħna ma rridu nweġġgħu lil ħadd imma lanqas irridu li ħaddiehor iweġġaghna. 

Nilqgħu wkoll il-ftehim dwar il-koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit wara Brexit. 

Fl-interess tagħna li l-akbar numru possibbli ta’ pajjiżi jsibu mod kif jgħixu flimkien minkejja d-differenzi li jista’ jkollhom bejniethom u li jsolvu dawn id-differenzi u t-tilwim b’rispett lejn il-liġi internazzjonali u l-ispirtu ta’ kompromess flok bl-armamenti u bil-konfrontazzjoni.

Ħidmietna hi mmexxija mill-valuri tan-newtralità, tal-politika favur il-paċi u d-diżarm u li ma nintużawx fil-gwerer kontra ħaddiehor u ma nidħlu fl-ebda alleanza militari ta’ pajjiżi oħra.

Fl-istess ħin in-newtralità tagħna ma tfissirx indifferenza għal dak li qiegħed jiġri madwarna.
Fid-dinja tal-lum fejn il-mezzi ta’ komunikazzjoni għamluna ġirien ta’ kulħadd, dak li jiġri fil-bogħod u wisq iżjed fil-Mediterran malajr jaħbat ma’ xtutna.

Fil-ħidma tagħna rridu nużaw b’mod iżjed effettiv dawn il-mezzi. Irridu nagħtu kas il-ħin kollu dak li qiegħed jiġri fil-bqija tad-dinja u kif dan jolqotna kemm fil-gżejjer tagħna u madwar id-dinja u nieħdu l-passi meħtieġa.

Irridu nħarsu lilna nfusna minn forom ġodda ta’ attakki u aggressjoni bl-internet, minn invażjonijiet bla vapuri u ajruplani tal-gwerra.


3) Biex intejbu l-għixien tal-poplu tagħna

Irridu naħdmu ma’ ministeri oħra u mas-settur privat biex nattiraw aktar investiment u nkabbru l-kummerċ u ngħinu fl-isforzi ta’ azjendi Maltin barra minn xtutna biex jitkattar il-ġid u jinħoloq iżjed xogħol f’pajjiżna.

Nagħtu sehemna kontra t-terroriżmu, il-kriminalità ekonomika internazzjonali bħat-traffikar tal-bnedmin, taż-żejt, tal-armi, tad-drogi u l-ħasil tal-flus.

Nagħtu sehemna biex insalvaw il-pjaneta tagħna mhedda mit-tibdil fil-klima u naħdmu ma’ pajjiżi oħra biex innaqqsu r-rata mgħaġġla li biha qed tisħon il-klima għax inkella se noħolqu problemi kbar għal dawk li qed jitwieldu llum.
 
Jekk ma nbiddlux ir-rotta se jsibu dinja b’iżjed nixfa, b’anqas ilma għall-produzzjoni tal-ikel meta l-popolazzjoni se tkompli tikber u iżjed inħawi fid-dinja fejn mhux se jkun possibbli iżjed għall-bnedmin jgħixu għax jew se jitla’ l-baħar jew se jinfirex iżjed id-dezert. Dan iwassal għal iżjed kunflitti u iżjed pressjoni biex iżjed nies jitilqu minn fejn qegħdin anki b’immigrazzjoni rregolari.

Nappoġġjaw il-promozzjoni tal-kultura, l-ilsien Malti u t-talent lokali f’pajjiżi oħra u ngħinu biex ikun hemm koperazzjoni f’dawn l-oqsma ma’ pajjiżi ohra.

Nieħdu sehem f’ħidma tan-Nazzjonijiet Magħquda, tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Ewropa, l-Unjoni għall-Mediterran u tal-Commonwealth favur id-demokrazija, id-drittijiet umani u l-iżvilupp sostenibbli.

Naħdmu biex fl-Unjoni Ewropea niksbu kemm nistgħu fondi u nonfquhom bl-aħjar mod. 
Inkunu attivi fit-tfassil tal-politika Ewropea u naħdmu ma’ pajjiżi sħabna biex l-Unjoni Ewropea tieħu d-direzzjoni li tkun ta’ ġid għalina.

Naħdmu biex ir-regolamenti Ewropej jippromwovu wkoll il-ġid nazzjonali tagħna biex iċ-ċittadini u l-kumpaniji Maltin igawdu mill-ġid u l-opportunitajiet tas-Suq Ewropew.


4) Favur id-djalogu u r-rispett

Naħdmu ma' pajjiżi oħra favur li nirrispettaw kulturi, razezz, reliġjonijiet u ċiviltajiet differenti u nsibu modi kif ngħixu flimkien flok neqirdu lil xulxin.

Ħafna mill-isfidi tal-lum bħall-emerġenza tal-klima, is-sigurtà, il-kriminalita` ekonomika internazzjonali, il-ħarsien tal-liġi internazzjonali, l-iżvilupp tal-ħiliet teknoloġici, il-ħarsien tad-drittijiet umani, l-immigrazzjoni, il-pandemija Covid-19, it-terroriżmu, it-tixrid tal-mibegħda u tal-aħbarijiet foloz u tagħrif żbaljat bl-internet, it-theddida mill-armi nukleari u armament ġodda robotiċi…huma bla fruntieri u l-ħidma dwarhom trid issir ma’ pajjiżi oħra għax l-ebda pajjiż ma jista’ jsib tarfhom waħdu.

Aħna rridu nħaddnu u nħaddmu l-prinċipji tal-Ġnus Magħquda favur il-paċi, l-ugwaljanza bejn l-istati, favur id-drittijiet tal-bniedem u favur il-koperazzjoni internazzjonali u fejn it-tilwim jinstab tarfu madwar il-mejda tan-negozjati flok fuq il-kamp tal-battalja.

F’dinja fejn il-kbar u dawk b’saħħithom iridu jimponu lilhom infushom mhux faċli għall-pajjiż ċkejken jimxi dejjem fit-triq li taqbel għall-poplu tiegħu imma m’għandniex naqtgħu qalbna.
Fl-istess ħin nemmnu li nistgħu nħobbu lil pajjiżna u lill-poplu tagħna bla ma nobogħdu jew nagħmlu ħsara lill-pajjiżi oħra u popli oħra.


5) Inkunu xempju ta’ unur għall-pajjiżna

Wasalna fejn wasalna għax ta’ qabilna kellhom il-kuraġġ joħolmu u jaħdmu għar-realtà li jagħmluna pajjiż indipendenti, repubblika, bla bażijiet militari, newtrali u membri tal-Unjoni Ewropea u li ngħixu f’demokrazija filwaqt li noħolqu l-ġid u x-xogħol għat-titjib tal-ħajja tal-poplu tagħna u dawk li jgħixu f’dawn il-gżejjer.

Fuq kollox bl-imġieba tagħna u bil-ħidma tagħna ngħollu ġieħ pajjiżna u naraw li l-kwalitajiet sbieħ tal-poplu tagħna jkunu magħrufa fil-bqija tad-dinja.

Grazzi tal-ħidma tagħkom għall-ġid. Is-sena t-tajba mill-ġdid.