Il-Ministru Evarist Bartolo jiltaqa’ mas-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija

Numru ta' Referenza: PR201667, Data ta' l-Istqarrija : Set 07, 2020
 
Waqt iż-żjara tiegħu fl-Eġittu, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo ltaqa’ mas-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija Ahmed Aboul Gheit.

Malta tospita l-unika uffiċċju tal-Lega Għarbija fl-Ewropa u matul il-laqgħa, iż-żewġ naħat qablu li dan għandu jissaħħaħ biex jitjiebu r-relazzjonijiet bejn Malta, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Għarab.

F’dan il-kuntest, il-Ministru Bartolo innota kif storikament, Malta dejjem kienet attiva fir-rwol tagħha bħala pont ta’ djalogu bejn l-Istati Għarab u l-Ewropa, u dan sabiex jirrenja l-paċi u l-istabbiltà fil-Mediterran li jgħaqqad iż-żewġ naħat.

Malta għalhekk se tkompli taqdi dan ir-rwol u taħdem favur aktar djalogu, li huwa ċ-ċavetta għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet u ż-żamma tal-paċi. Dan b’mod partikolari fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti fil-Lvant tal-Mediterran, bil-Ministru Bartolo jtenni l-appell ta’ Malta lill-partijiet kollha biex jagħmlu pass lura u jirrikorru għad-djalogu.

Il-Ministru Bartolo u s-Segretarju Ġenerali Aboul Gheit tkellmu ukoll dwar is-sitwazzjoni fil-Libja u qablu li għandhom ikunu l-Libjani stess li jfasslu l-futur tagħhom f’Libja magħquda. B’referenza għal-Lvant Nofsani, partikolarment ir-relazzjonijiet bejn l-Iżrael u l-Palestina, iż-żewġ naħat qablu illi s-soluzzjoni tibqa’ dik ta’ żewġ stati.

pr201667a.jpeg