Il-Ministru Evarist Bartolo b'telefonata mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Kuwajt

Numru ta' Referenza: PR201566, Data ta' l-Istqarrija : Aww 17, 2020
 
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo kellu telefonata mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Kuwajt, H.H. Sheikh Dott. Ahmed Nasser Al Mohammad Al Sabah, fejn iddiskutew it-tisħiħ tar-rabtiet bejn iż-żewġ pajjiżi u s-sehem tagħhom għall-paċi u l-istabilità fil-Libja, fil-Mediterran u fil-Lvant Nofsani.
 
Iż-żewġ Ministri qablu li jaħdmu flimkien għall-ġid taż-żewġ pajjiżi fl-oqsma politiċi, soċjali u kummerċjali.
 
Huma esprimew tħassib dwar il-kunflitt fil-Libja u awguraw li l-Libjani jingħataw l-appoġġ meħtieġ biex jieqfu mill-ġllied u jsolvu huma stess il-problemi tagħhom u jibdew jiżviluppaw lil-Libja għall-ġid tal-Libjani stess.
 
Dwar it-tensjoni fil-Lvant tal-Mediterran appellaw għad-djalogu u n-negozjati bejn it-Turkija, il-Greċja, Ċipru u l-Eġittu biex jilħqu ftehim bl-użu tar-raġuni għall-ġid komuni flok bl-użu tal-forza li żgur joħloq iżjed problemi.
 
Il-Ministru tal-Kuwajt qal li pajjiżu qatt mhu se jinsa kemm Malta għamlet ġid lill-Kuwajt fil-Ġnus Magħquda fi żmien l-eks President Guido de Marco waqt l-invażjoni ta’ 30 sena ilu.