Il-gvern iniedi pjan ta’ azzjoni bi tħejjija għal BREXIT

Numru ta' Referenza: PR202255, Data ta' l-Istqarrija : Nov 12, 2020
 
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi nedew pjan ta’ azzjoni tal-Gvern ta’ Malta bi tħejjija għal BREXIT.

F’konferenza stampa bis-sehem tal-President tal-Kamra tal-Kummerċ, David Xuereb, u d-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Ko-ordinament tal-Unjoni Ewropea, Glenn Micallef, huma ppreżentaw id-dokument tal-pjan ta’ azzjoni li b’mod komprensiv ikopri l-preparamenti kollha li għaddejjin biex kulħadd ikun lest għal kull xenarju b’rabta ma’ BREXIT. 

Il-pjan ta’ azzjoni jittratta l-aktar oqsma importanti fosthom dak tat-trasport, l-ivvjaġġar u l-konnettività mar-Renju Unit. Jirreferi wkoll għad-drittijiet taċ-ċittadini, kemm dawk Maltin li jgħixu fir-Renju Unit u anke taċ-ċittadini Brittaniċi li jgħixu f’Malta. 

Fuq il-kummerċ, id-dokument jagħti tagħrif dwar l-impatt tar-regoli għall-importazzjoni u għall-esportazzjoni ta’ prodotti u ta’ servizzi, l-impatt fuq il-kwalifiċi professjonali tal-impjegati u anke tal-proċeduri u tat-tariffi ġodda li se japplikaw mill-1 ta’ Jannar, 2021 ’il quddiem. 

F’dan il-kuntest, il-pjan ta’ azzjoni jispjega fid-dettall l-assistenza li l-gvern qed joffri permezz tal-entitajiet tiegħu, bħal pereżempju l-assistenza professjonali provduta mill-Malta Enterprise lill-kumpaniji biex jimmitigaw l-impatt ta’ Brexit fuq l-intrapriżi tagħhom. 

Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Evarist Bartolo qal li filwaqt li fuq materji li huma fil-kompetenza tal-Unjoni Ewropea għandna nħallu lid-delegat speċjali tal-Unjoni biex jinnegozja f’isimna, bħala stat sovran irridu nagħtu kas ukoll ir-relazzjonijiet bilaterali tagħna mar-Renju Unit, li jmorru lura aktar minn żewġ sekli. F’dan il-kuntest, huwa rrefera għall-arranġamenti eżistenti bejn Malta u r-Renju Unit fir-rigward tas-saħħa u tal-kura speċjalizzata, liema arranġamenti l-gvern beħsiebu jsaħħaħ sabiex jissalvagwardja l-aqwa interessi taċ-ċittadini tiegħu, irrispettivament minn l-eżitu tan-negozjati fuq livell Ewropew. 

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-gvern qed jiżgura li irrispettivament minn jekk jintlaħaqx ftehim dwar ir-relazzjonijiet futuri tar-Renju Unit mal-Unjoni Ewropea, Malta se tkun lesta għal kull eventwalità kemm fil-livell tal-gvern kif ukoll fis-setturi privati ​​affettwati. Dr Zrinzo Azzopardi enfasizza l-importanza li s-settur privat jiżgura li ħa l-passi kollha biex ikun ippreparat għal bidliet immedjati. Huwa żied li l-gvern ħa l-miżuri kollha biex iżid ir-riżorsi amministrattivi f’entitajiet pubbliċi, bħad-dipartiment tad-dwana fejn qed jitħejjew korsijiet immirati għal entitajiet kummerċjali f’każ li jintalbu. 

Għal aktar informazzjoni wieħed għandu jsegwi l-paġni uffiċjali tal-kampanja ‘Brexit - Be Prepared’ u jaċċessa l-website www.brexit.gov.mt. Qed tiġi provduta wkoll assistenza diretta liċ-ċittadini u lin-negozji kemm permezz tal-Brexit helpline fuq il-linja 153 u kif ukoll permezz tal-posta elettronika fuq l-indirizz brexit@gov.mt fejn qed jiġu mwieġba mistoqsijiet individwali jew aktar speċifiċi.​

Minister Evarist Bartolo addressing the Press Conference. 
 Front Page of the Readiness Action Plan Document prepared by the Government of Malta
 Minister Evarist Bartolo, PS Stefan Zrinzo Azzopardi, DG Glenn Micallef and David Xuereb at the press conference
 Minister Evarist Bartolo, PS Stefan Zrinzo Azzopardi and David Xuereb at the press conference