Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej jippremja lill-istudent li ħareġ bid-disinn wara l-logo tal-kandidatura ta’ Malta għall-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda

Numru ta' Referenza: PR201758, Data ta' l-Istqarrija : Set 18, 2020
 
Andrea Camilleri, l-istudent tal-MCAST li rebaħ il-kompetizzjoni biex iddisinja l-logo għall-kandidatura ta’ Malta għal siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda (KSNU), ġie uffiċjalment ippremjat mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru s-Sur Christopher Cutajar. Wara li tkellem dwar il-kunċett tas-sottomissjoni tiegħu, Andrea ġie regalat b'inkwatru tal-logo uffiċjali li se jiddebutta fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda (AĠNU) fi New York il-ġimgħa d-dieħla.

Il-logo ta’ Andrea se jintuża għall-kampanja kollha u, jekk pajjiżna jiġi elett, għall-perjodu 2023-2024 li matulu Malta tkun fuq il-KSNU. Is-sottomissjoni tiegħu ġiet magħżula minn bord tal-Ministeru (magħmul minn diplomatiċi, akkademiku, espert tal-preżentazzjoni viżiva, u rappreżentant ta’ Organizzazzjoni Mhux Governattiva) wara kompetizzjoni fost l-istudenti tal-MCAST tard is-sena li għaddiet.

Imħeġġeġ mit-tutur tiegħu Christopher Aquilina, Andrea qal li mir-riċerka tiegħu tgħallem ħafna dwar il-politika barranija ta’ Malta u huwa kburi u eċċitat li l-logo tiegħu se jintwera lil diplomatiċi mid-dinja kollha. Il-Bord kien faħħar id-disinn rebbieħ għall-ispirazzjoni warajh. Andrea spjega li huwa għaqqad diversi forom biex jagħtih impatt viżwalment ikoniku u sinifikanti.

“Għaqqadt il-linji ta' luzzu, id-dgħajsa tas-sajd tradizzjonali Maltija tant simbolika għall-kultura lokali tagħna u l-fatt li aħna stat gżira żgħira mdawra bil-baħar; b'ħamiema, is-simbolu universali tal-paċi u fl-aħħar mill-aħħar dak li l-KSNU tant jippromwovi; u l-għamla ta' ġewwa tas-Sala tal-Assemblea Ġenerali, fejn ir-Rappreżentanti Permanenti tal-istati membri jiltaqgħu biex jiddibattu u jieħdu deċiżjonijiet ta’ portata internazzjonali.”

Ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York l-Ambaxxatriċi Vanessa Frazier, li qed tmexxi l-kandidatura u bħalissa qed tattendi għall-ewwel AĠNU virtwali, qalet b’sodisfazzjon li l-logo t’Andrea żgur li se jiġbed l-għajn. “F'sala kbira daqs dik tal-Assemblea Ġenerali, kellna bżonn xi ħaġa sempliċi iżda impressjonanti, li tissimbolizza l-essenza ta' Malta u x-xogħol li jagħmel il-Kunsill - dan il-logo jagħmel proprju dan.”

Frazier spjegat li l-KSNU jikkonsisti f’10 membri eletti u 5 membri permanenti. Malta kienet fuq il-KSNU fl-1983-1984, u qed tikkontesta għal wieħed miż-żewġ siġġijiet disponibbli għall-Grupp tal-Punent tal-Ewropa u Stati Oħra f'Ġunju 2022.

Is-Segretarju Permanenti Cutajar qal li kien impressjonat bil-proċess metikoluż wara d-disinn tal-logo, li huwa xhieda tal-kwalità għolja tax-xogħol tal-MCAST u l-istudenti tal-istess kulleġġ. “Huwa meraviljuż li tara l-ġenerazzjoni żagħżugħa titgħallem u tinvolvi ruħha fix-xogħol ta’ Malta fuq livell internazzjonali. Grazzi għat-talenti ta’ Andrea, il-logo tiegħu se jassigura li Malta jkollha bidu eċċellenti għall-kandidatura tagħha.”

Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jikkuntattja lil Sarah-Louise Galea fuq 99943244.​

pr201758a.jpg 
 pr201758b.jpg
 pr201758c.png
 pr201758d.jpg