Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo kellu telefonata mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Eġizzjan Sameh Shoukry

Numru ta' Referenza: PR201386, Data ta' l-Istqarrija : Lul 22, 2020
 
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo kellu telefonata mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Eġizzjan Sameh Shoukry. Huma tkellmu dwar is-sitwazzjoni fil-Libja u fil-Mediterran. 
 
Iż-żewġ ministri qablu fuq il-bżonn ta’ paċi fil-Libja biex il-Libjani jiftiehmu bejniethom u jsolvu l-problemi ta’ bejniethom b’ħidma politika u mhux bl-armi. 
 
Il-Ministru Bartolo tkellem favur Libja magħquda f’idejn il-Libjani stess u jmexxu pajjiżhom għall-ġid tal-poplu tagħhom. Semma li l-Libja għandha tiġi megħjuna fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-immigrazzjoni irregolari, u żied li r-rotta tal-Mediterran Ċentrali lejn il-fruntiera tan-Nofsinhar tal-Ewropa hija miftuħa kompletament u l-Unjoni Ewropea mhix tipproteġi lilha nnifisha.  
 
Il-Ministru Bartolo saħaq li Malta hija newtrali u trid tkun ħabiba tal-pajjiżi kollha. Għalhekk kull fejn hemm ġlied u tilwim tappella għal ftehim bir-raġuni u għall-ġid komuni.