Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo jiddiskuti r-relazzjonijiet bilaterali ma’ Sheikh Abdullah Bin Zayed Al Nahyan, Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Emirati Għarab Magħquda

Numru ta' Referenza: PR201465, Data ta' l-Istqarrija : Lul 30, 2020
 
Waqt telefonata mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Emirati Għarab Magħquda Sheikh Abdullah Bin Zayed Al Nahyan, il-Ministru Evarist Bartolo ddiskuta l-ħtieġa li jissaħħu r-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi permezz ta’ numru ta’ mezzi, mhux l-inqas kuntatti politiċi u diplomaċi, il-kummerċ u l-qafas bilaterali legali, kif ukoll permezz ta’ koperazzjoni fuq livelli reġjonali u internazzjonali.
 
Dwar is-sitwazzjoni fil-Libja, il-Ministru Bartolo appella għal Libja waħda għal-Libjani kollha, u ż-żewġ ministri qablu li waqfien mill-ġlied – kif maqbul fir-Riżoluzzjoni 2510 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fit-12 ta’ Frar ta’ din is-sena – huwa imperattiv.
 
Iż-żewġ ministri ddiskutew ukoll l-impatti tal-pandemija COVID-19 fuq il-ħajja politika, ekonomika u soċjali, u awguraw li ż-żewġ pajjiżi jkomplu jsibu modi biex jiksbu l-vantaġġi tal-innovazzjoni li l-isfidi attwali offrew fuq livell globali, iżda wkoll li jaħdmu flimkien biex itaffu d-diffikultajiet emerġenti.
 
Fi tmiem it-telefonata, iż-żewġ ministri tennew l-impenn tagħhom li jżommu kuntatt biex isegwu l-kwistjonijiet fuq kull livell kif meħtieġ.​