Tul dawn l-aħħar 15-il sena, iżjed minn 1,000 ġurnalist inqatlu: ħafna minnhom sfaw vittmi tal-kunflitti, ħafna aktar inqatlu talli investigaw il-korruzzjoni, reati ekonomiċi, reati politiċi, abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u skandli ekonomiċi. F’Malta irridu nassiguraw li dawk kollha involuti fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jitressqu quddiem il-ġustizzja.
Dan intqal mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo waqt l-indirizz tiegħu f’laqgħa ta’ diskussjoni ministerjali rigward is-sigurtà tal-ġurnalisti li ġiet ospitata virtwalment minn Stef Blok, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Olanda, bħala parti mill-Konferenza Dinjija dwar il-Libertà tal-Istampa 2020.
Din is-sena, il-Konferenza Dinjija dwar il-Libertà tal-Istampa kienet ċelebrazzjoni konġunta tal-Jum Dinji tal-Libertà tal-Istampa (3 ta’ Mejju) u tal-Jum kontra l-Impunità għal Reati kontra l-Ġurnalisti (2 ta’ Novembru).
It-tema tal-konferenza ta’ din is-sena kienet ‘Ġurnaliżmu mingħajr Biża’ jew Favur’, u l-għan tagħha kien li jindirizza l-importanza tas-sigurtà tal-ġurnalisti u l-impjegati tal-midja u l-problema tal-impunità għal reati kontrihom. Skont il-UNESCO, mill-2006 sal-2019, inqatlu aktar minn 1,100 ġurnalist, u każ wieħed biss minn kull għaxra għadda mill-proċess ġudizzjarju sħiħ fil-parametri tal-liġi.
Id-dikjarazzjoni li ħarġet mill-konferenza bit-titlu ‘L-Impenn tal-Aja għas-Sigurtà tal-Ġurnalisti’, li Malta issieħbet fiha ikkonfermat l-impenn tal-ministri li tiġi żgurata s-siġurtà tal-ġurnalisti u titwaqqaf l-impunità permezz ta’ ħidma kontinwa fuq livell nazzjonali, reġjonali u internazzjonali.
Kopja tal-intervent tal-ministru tinsab
hawn.