Il-Ministru Evarist Bartolo jiltaqa’ mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ungeriż Peter Szijjártó f’Malta - jiddiskutu s-sitwazzjoni attwali fil-Mediterran u l-inizjattivi bilaterali

Numru ta' Referenza: PR201157, Data ta' l-Istqarrija : Ġun 18, 2020
 
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi ltaqgħu mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ tal-Ungerija Peter Szijjártó, waqt żjara qasira f’Malta.

Iż-żewġ ministri esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għar-relazzjonijiet bilaterali kontinwament pożittivi bejn Malta u l-Ungerija, mhux l-inqas is-sodisfazzjon tal-Ministru Bartolo għall-fatt li Malta ġiet magħżula fost numru ta’ pajjiżi sabiex tospita ’l fuq minn 8000 student Ungeriż sponsorjati mill-gvern tal-istess pajjiż biex isegwu korsijiet intensivi tal-lingwa Ingliża f’diversi skejjel madwar pajjiżna. 

Fl-istess waqt, huma tennew l-impenn tagħhom biex jaħdmu flimkien għal żieda fit-turiżmu bejn Malta u l-Ungerija u biex jerġa’ jaqbad ir-ritmu pożittiv li kien għaddej fl-aħħar snin, qabel l-impatt tal-pandemija. 

Iż-żewġ naħat iddiskutew ukoll is-sitwazzjoni kiefra fil-Libja, fl-Afrika, kif ukoll l-effetti fuq il-Mediterran u, bħala konsegwenza, l-Ewropa.

F’dan il-kuntest, tkellmu dwar il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tħares il-fruntiera tagħha fil-Mediterran u taħdem mal-pajjiżi Afrikani għall-iżvilupp u għall-ħolqien tal-impjiegi fl-Afrika stess. Iż-żewġ naħat qablu dwar il-bżonn li ssir ġlieda kontinwa kontra t-traffikar tal-immigranti, li jinfetħu ċentri għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil, li jiġu ripatrijati dawk li ma jikkwalifikawx għall-ażil u li tissaħħaħ il-gwardja tal-kosta Libjana.

Waqt konferenza stampa wara l-laqgħa, il-Ministru Bartolo rringrazzja lill-Ministru Szijjártó wara li dan tal-aħħar iddikjara li l-Ungerija se tkun qed tappoġġa lil Malta fl-elezzjoni tal-2022 għal siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.​

pr201157a.jpg 
pr201157b.jpeg 
pr201157c.jpg
pr201157d.jpeg