Il-Ministru Evarist Bartolo jipparteċipa fit-tnedija uffiċjali tad-Dikjarazzjoni Kontra d-Detenzjoni Arbitrarja fir-Relazzjonijiet ta’ bejn l-Istati

Numru ta' Referenza: 16022021, Data ta' l-Istqarrija : Fra 16, 2021
 
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, l-Onor Evarist Bartolo pparteċipa fit-tnedija uffiċjali tad-Dikjarazzjoni Kontra d-Detenzjoni Arbitrarja fir-Relazzjonijiet ta’ bejn l-Istati li saret b’mod virtwali fil-15 ta’ Frar.

Id-Dikjarazzjoni kellha 58 approvazzjoni, inkluż l-Unjoni Ewropea u 24 mill-Istati Membri tagħha. L-għan tad-Dikjarazzjoni huwa li tinbena koalizzjoni ta’ msieħba internazzjonali li jiddenunzjaw l-użu ta’ detenzjoni arbitrarja ta’ ċittadini barranin biex jieħdu vantaġġ fir-relazzjonijiet ta’ bejn l-Istati; prattika li tmur kontra l-liġi internazzjonali.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Kanada ospita l-avveniment waqt li fost il-parteċipanti kien hemm Amal Clooney, rappreżentant tal-Istitut tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Avukati (IBAHRI) u Barrister fid-Doughty Street Chambers ta’ Londra, u Kenneth Roth, Direttur Eżekuttiv ta’ Human Rights Watch.

Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Bartolo saħaq li d-detenzjoni arbitrarja ta’ persuni, ta’ ċittadini tal-pajjiż stess jew ta’ pajjiżi terzi; li ċċaħħadhom minn kwalunkwe dritt tagħhom u tissuġġettahom għal trattament ħażin jew kastig; ma jista’ qatt ikun ġustifikat.

“Minn żmien għal żmien huwa normali li jinqalgħu differenzi fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna iżda għandna dejjem nippersistu biex tali differenzi nsolvuhom b'mod paċifiku permezz ta' djalogu fil-qafas tal-istat tad-dritt. Ejjew ma nużawx liċ-ċittadini tagħna bħala għodda politika fin-negozjati tagħna."

L-Onor. Bartolo tenna li ċ-ċittadini għandhom jingħataw d-dinjità u d-drittijiet li jixirqu lill-bnedmin kollha: id-dritt għall-ugwaljanza, il-ħelsien mid-diskriminazzjoni, id-dritt għall-ħajja, il-libertà, is-sigurtà personali, il-ħelsien mill-iskjavitù u l-ħelsien mit-tortura u t-trattament degradanti. 

Il-Ministru Bartolo fakkar li dawn id-drittijiet ġew ifformulati minn persuni li ġejjin minn sistemi politiċi, kulturi u reliġjonijiet differenti biex japplikaw għal kulħadd fid-dinja. Żied jgħid li l-promozzjoni tagħhom m'għandhiex titqies li tinterferixxi fl-affarijiet interni tal-pajjiżi tagħna. "Ejjew ma nużawx id-drittijiet tal-bniedem bħala armamenti billi ninvokawhom b'mod selettiv u biss meta u fejn ikun politikament konvenjenti għalina."

Dawn id-drittijiet ġew minquxa fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem wara l-katastrofi tat-Tieni Gwerra Dinjija u huma rilevanti daqs qatt qabel. “Huma mhux biss il-passat, iżda wkoll il-futur tagħna”, temm jgħid il-Ministru.​