Messaġġ tal-Milied u l-aħħar tas-Sena 2021 mill-Onor. Evarist Bartolo, Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, lill-Maltin li Jgħixu barra minn Malta

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Diċ 21, 2020
 
Evarist_Bartolo.jpg

Għeżież ħuti,

Xtaqt żortkom fix-xhur li għaddew imma ma stajtx minħabba l-Covid-19. Nittama li fix-xhur li ġejjin inkun nista’ nivvjaġġa u niġi narakom.

Bħal ħafna eluf oħra li ngħixu fil-gżejjer Maltin għandi qrabati f’pajjiżi differenti, u allura meta nżur pajjiżi oħra fejn jgħixu Maltin u Għawdxin ma nħossnix qed inżur pajjiż barrani. Inkun qed inżur lil tal-familja, mhux biss dawk li jiġu minni, iżda tal-familja Maltija. Il-familja Maltija hija ferm ikbar minn kemm għandna jgħixu fil-gżejjer tagħna.

Għandna Maltin u Għawdxin jgħixu f’pajjizi oħra f’kull naħa tad-dinja, kważi daqskemm għandna jgħixu fil-gżejjer tagħna. Tajjeb li nżommu ħajjin ir-rabtiet ta’ bejnietna u nsaħħuhom.

Aħna fejn aħna nistgħu nħobbu lill-pajjiżna u lill-poplu tagħna waqt li nkunu parti sħiħa u ħajja mis-soċjeta’ fejn qegħdin.

F’dinja fejn tant żdied it-taħlit ta’ popli, razez, nazzjonalitajiet, ilsna u kulturi differenti, aktar hemm ċans jiżdiedu ​l-kunflitti bejnietna. Imma aktar ukoll hemm iċ-cans li jekk nagħmlu sforz ġenwin u diffiċli kemm hu diffiċli nitgħallmu ngħixu flimkien u nirrispettaw lil xulxin aktar hemm ċans li nagħrfu li aħna aħwa lkoll tal-familja umana li tgħix f’din il-pjaneta u ħafna mill-isfidi kbar li għandna quddiemna nistgħu negħelbuhom biss, mhux billi niġġieldu w inkunu għedewwa ta’ xulxin iżda billi naħdmu flimkien għall-ġid komuni.

Awguri 2021

Evarist Bartolo