Messaġġ mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo dwar il-kriżi tal- migrazzjoni irregolari fil-Mediterran

Numru ta' Referenza: PR200973, Data ta' l-Istqarrija : Mej 22, 2020
 
 
 
 
Malta hija l-iżgħar pajjiż fl-Ewropa, iżda dan ma waqqafniex milli nagħmlu kull sforz biex insalvaw il-ħajjiet fil-baħar u dan għal bosta snin.

Ta’ kull sena eluf jaqsmu l-Mediterran fejn aħna maqbudin fin-nofs bejn l-Afrika ta’ Fuq u l-Ewropa. 

Pajjiżi oħra ħafna ikbar minna jgħidulna li kulħadd għandu problema bl-immigrazzjoni. Nafu. Aħna lesti li nagħtu sehemna iżda mhux ġust li jħalluna waħidna nġorru dan il-piż sproporzjonat.

1% tal-popolazzjoni f’Malta huma immigranti irregolari jistennew f’ċentri biex ikollhom l-applikazzjoni tagħhom ipproċessata.  Fiċ-ċentri tal-immigranti tagħna għandna d-doppju tan-numru li jistgħu jilqgħu fihom.

Sa mill-2005, madwar 9% tad-daqs tal-popolazzjoni tagħna ġiet minn rotot ta’ migrazzjoni irregolari. Dan mhux għax ma nistgħux ngħassu l-fruntieri tagħha, iżda għax it-traffikanti u l-kuntrabandisti tal-bnedmin żviluppaw attività kummerċjali li minnha qegħdin jagħmlu profitti kbar. Kull dgħajsa bin-nies li jibagħtu taqsam il-Mediterran, qed tqallagħhom eluf u eluf ta’ ewro.

Ma jinteressahomx x’jiġri min-nies li jgħabbu fuq id-dgħajjes biex b’mod perikoluż jaqsmu l-Mediterran.

Bħan-nies li qegħdin jitgħabbew fuq id-dgħajjes, aħna qegħdin nitħallew f’idejn it-traffikanti u l-kuntrabandisti tal-bnedmin. 

Aħna għandna reputazzjoni ta’ poplu ġeneruż u akkoljenti. Aħna rridu niddefendu l-jedd tan-nies li jfittxu l-ħarsien. Iżda nistgħu nagħmlu biss dak li nifilħu, u ċertament ma nistgħux nagħmluh waħidna. Il-problema tal-immigrazzjoni Ewropea hija responsabbiltà kollettiva u rridu nsibu mod ta’ kif se nindirizzaw din l-isfida flimkien.

Iżda qegħdin nitħallew waħidna. Il-kliem ta’ simpatija mhux biżżejjed. Għanda bżonn ta’ għajnuna prattika. Hemm bżonn li nirrilokaw numru ta’ immigrant f’pajjiżi oħrajn.

Xi pajjiżi jistgħu jgħidulna għaliex qegħdin nilmentaw issa. X’inbidel?

Li ma jafux hu li fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, kien hemm żieda ta’ 438% fil-wasliet tal-immigranti mir-rotta taċ-Ċentru tal-Mediterran. F’April, in-numru kien tliet darbiet aktar.

S’issa matul din is-sena waslu f’Malta 1,500 immigrant irregolari – kważi nofs it-total ta’ immigranti li waslu f’sena sħiħa s-sena li għaddiet.

Il-wasliet mistennija jkomplu jiżdiedu hekk kif qed joqrob is-sajf u l-qagħda fl-Afrika ta’ Fuq sejra għall-agħar. Aktar u aktar persuni se jaraw dan il-vjaġġ fil-Mediterran bħala l-unika tama għalihom għal ħajja aħjar.

Aktar ma tikber il-problema, anqas is-solidarjetà li nirċievu. Mill-2005 ’l hawn, kienu biss 8% tal-immigranti irregolari f’Malta li ġew irrilokati għal pajjiżi membri oħra Ewropej.

Aħna tlabna għas-solidarjetà Ewropea dwar ir-rilokazzjoni u għal din is-sena s’issa, meta waslu 1,500 immigrant, kienu biss Franza u l-Portugall li wegħdu li se jieħdu 36 immigrant.

Malta ma tistax titħalla waħidha ġġorr dan it-toqol ta’ piż sproporzjonat tal-immigrazzjoni, meta fl-aħħar mill-aħħar qiegħda tipproteġi l-fruntiera esterna Ewropea.

Aħna se nagħmlu l-parti tagħna dwar l-immigrazzjoni, iżda m’aħniex u l-anqas se nsiru ċ-ċentru tal-kriżi tal-Ewropa.

Meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, fehmet li ngħaqdet ma’ grupp ta’ pajjiżi li jaqsmu r-responsabbiltajiet, l-aspirazzjonijiet u l-valuri.

Aħna minn dejjem għenna b’kull mezz, ħafna drabi b’kontribuzzjoni ħafna ikbar ras għal ras, għax nemmnu f’dawn l-ideali. Konna ta’ spalla għall-pajjiżi ġirien tagħna u pajjiżi membri ’l bogħod minna għal kull għajnuna mitluba. Is-solidarjetà hija xi ħaġa li nemmnu fiha.

Qegħdin nitolbu għall-appoġġ u nafu li l-valur tas-solidarjetà welled lill-Unjoni Ewropea.

Nafu wkoll li meta dan il-valur jibda jonqos, nibdew indgħajfu r-ruħ stess li suppost tagħti l-ħajja lill-Unjoni Ewropea.​