Kommemorat il-75 anniversarju mill-attakki nukleari fuq Hiroshima u Nagasaki

Numru ta' Referenza: PR201502, Data ta' l-Istqarrija : Aww 06, 2020
 
Din is-sena qed jiġi mfakkar il-75 anniversarju minn meta ġew mitfugħin il-bombi atomiċi fuq Hiroshima u Nagasaki fis-6 u fid-9 ta’ Awwissu 1945 rispettivament. Dawn il-bombi atomiċi qatlu mal-200,000 persuna meta splodew, u affettwaw il-ħajja ta’ miljuni ta’ persuni oħra, ħafna minnhom persuni ċivili. Dawn jibqgħu l-uniku eżempju ta’ użu ta’ armi nukleari matul kunflitt armat.

Għaldaqstant, huwa ta’ importanza kbira li nirriflettu fuq dan l-anniversarju ta’ dieqa u qerda li ħalla marka permanenti fuq l-istorja dinjija. Tajjeb ukoll li nieħdu din l-okkażjoni sabiex  niftakru f’dawk in-nies li tilfu ħajjithom, kif ukoll  fil-hibakusha (dawk li salvaw mill-bomba atomika). Irridu nsaħħu wkoll ir-riżoluzzjoni tagħna biex niżguraw li traġedja bħal din ma tirrepetix ruħha u b’hekk inkomplu s-sejħa tagħna għad-diżarm u n-nonproliferazzjoni tal-armi nukleari. 

Fil-politika barranija tagħha, Malta għal bosta snin saħqet fuq il-pożizzjoni favur dinja aktar sigura għal kulħadd, ħielsa minn armi nukleari. Għal dan l-għan, Malta ssegwi l-universalizzazzjoni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni (NPT), tal-Ftehimiet u Protokolli tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (IAEA), u d-dħul bikri fis-seħħ tat-Trattat ta' Projbizzjoni Komprensiva (CTBT).

Malta tieħu din l-okkażjoni sabiex toffri solidarjetà mal-poplu tal-Ġappun fit-tifkira ta’ dan l-avveniment.