It-3 laqgħa tal-Inizjattiva tas-Sigurtà tal-Mediterran Ċentrali dwar ‘Kummerċ Leġittimu, Sigurtà Reġjonali - Ir-Rwol ta’ Flus Maħmuġin’

Numru ta' Referenza: PR202417, Data ta' l-Istqarrija : Nov 28, 2020
 
“Flus maħmuġin u kummerċ illeċitu jgerrxu n-negozju leġittimu”, qal il-Ministru Evarist Bartolo waqt l-Inizjattiva tas-Sigurtà tal-Mediterran Ċentrali.
 
Il-Ministru Evarist Bartolo fetaħ it-tielet sessjoni tal-Inizjattiva tas-Sigurtà tal-Mediterran Ċentrali (CMSI) li kienet ko-organizzata mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u mill-Ambaxxata Amerikana f’Malta.
 
Il-Ministru Bartolo laqa’ rappreżentanti minn Franza, l-Italja, il-Libja, Ċipru, il-Greċja u l-Istati Uniti, u qal li, “Dak li beda bħala proġett minn Malta u l-Istati Uniti fl-2018 qed ikompli jikseb il-momentum u jgħin fl-isforzi kontinwi biex l-awtoritajiet ta’ infurzar reġjonali jingħaqdu flimkien biex jindirizzaw kollettivament it-theddid ta’ organizzazzjonijiet kriminali transnazzjonali, il-kuntrabandu u t-traffikar illeċitu”.
 
Il-Ministru Bartolo rrefera għas-suċċessi riċenti tal-infurzar u ħeġġeġ lill-parteċipanti biex ikomplu jistabbilixxu rabtiet eqreb bejniethom. Il-koperazzjoni reġjonali tibqa’ ċ-ċavetta lejn l-iffaċilitar ta’ azzjonijiet ta’ infurzar sabiex tiġi miġġielda b’mod effettiv l-attività kriminali fir-reġjun. 
 
Irrefera wkoll għall-prosekuzzjonijiet li għaddejjin u l-qerda ta’ materjal illeċitu, liema azzjonijiet jikkostitwixxu l-approċċ qawwi ta’ Malta lejn koperazzjoni reġjonali u internazzjonali akbar fil-ġlieda kontra gruppi transnazzjonali ta’ kriminalità organizzata.
 
Membri tal-Bord tal-Monitoraġġ tas-Sanzjonijiet iffaċilitaw ix-xogħol tas-CMSI u pparteċipaw billi taw preżentazzjonijiet flimkien ma’ dawk li ngħataw mill-kontropartijiet tagħhom li attendew ukoll. 
 
Il-Bord tal-Monitoraġġ tas-Sanzjonijiet huwa l-awtorità kompetenti li hija responsabbli għall-implimentazzjoni rigoruża tas-sanzjonijiet internazzjonali u nazzjonali f’Malta.​