“Trid tkun tħobb u tirrispetta lil pajjiżek biex tiddefendih u tħares l-interessi tal-poplu tiegħu” – il-Ministru Evarist Bartolo fil-ftuħ tal-Laqgħa tal-Ambaxxaturi

Numru ta' Referenza: PR210189, Data ta' l-Istqarrija : Jan 28, 2021
 
Illum bdiet il-laqgħa annwali tal-ambaxxaturi tar-Repubblika ta’ Malta li din is-sena qed issir b’mod virtwali minħabba l-imxija tal-pandemija COVID-19.
 
Il-laqgħa tal-ambaxxaturi sservi sabiex ta’ kull sena tlaqqa’ flimkien l-ambaxxaturi residenti, mhux residenti u dawk tematiċi għal diskussjonijiet dwar diversi suġġetti relevanti għall-kisba tal-għanijiet tal-politika barranija ta’ Malta kif ukoll kwistjonijiet amministrattivi li huma importanti għal funzjonament b’suċċess tal-Ministeru għall-Affarjiet Barranin u Ewropej.
 
It-tema magħżula hija, ‘X’jistenna l-kobor tiegħek, mill-iżgħar fost iż-żgħar?’
 
Din il-mistoqsija toħroġ mill-‘Għanja ta’ Malta’, li kiteb il-Prof. Oliver Friggieri fl-1989 f’għeluq il-25 sena minn Jum l-Indipendenza, u li hija maħsuba biex tqanqal ħsibijiet dwar kif dan il-pajjiż jista’ jistinka dejjem aktar biex minkejja l-limitazzjonijiet tiegħu, iżomm reputazzjoni internazzjonali tajba u jtejjeb il-qagħda soċjo-ekonomika tiegħu.
 
F’dan il-kuntest, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo fetaħ il-laqgħa b’indirizz dwar il-missjoni tal-korp diplomatiku ta’ Malta. Sostna li jekk il-pajjiż jimxix ’il quddiem jew lura jiddependi ħafna mis-sens ta’ dover, imħabba u rispett lejn pajjiżna.
 
“Mhux għax pajjiżna perfett, iżda b’umiltà rridu nħobbu lill-pajjiż kif inhu u nifhmu xinhuma l-interessi tal-poplu tagħna u kif nistgħu nħarsu l-ġid komuni tal-poplu tagħna bl-aħjar mod. Għaliex jekk ma nirrispettawx lil pajjiżna ma nistgħux niddefendu lil pajjiżna”.
 
Il-Ministru Bartolo saħaq li kieku fis-sekli li għaddew ma kellniex Maltin li ħolmu li jkollna stat sovran li jmexxi lilu nnifsu, kieku Malta hija biss gżira oħra fil-Mediterran u mhux stat sovran, indipendenti, ħieles, newtrali u membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea.
 
“Huwa f’dan il-kuntest li rridu ngħarfu l-missjoni tagħna – dik li tagħtina t-tama li minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna, nistgħu nieħdu ħsieb tagħna nfusna kif għamlu ta’ qabilna”. Dan filwaqt li nfittxu li niżviluppaw relazzjonijiet tajba ma’ kemm jista’ jkun pajjiżi, żied il-ministru.
 
Huwa importanti għalhekk li jkollna ambizzjoni għal pajjiżna mingħajr ma nkunu pretenzjużi, appella l-ministru. Ambizzjoni msejsa fuq il-valuri fundamentali ta’ Malta li bħala stat newtrali tibqa’ dejjem favur il-paċi, favur id-diżarm, favur ir-rispett u t-tolleranza lejn fehmiet u reliġjonijiet diversi, u favur ir-riżoljuzzjoni tat-tilwim permezz tad-djalogu u mhux b’kunflitt.
 
Qabel il-laqgħa, il-Ministru Evarist Bartolo inawgura xogħol ta’ restawr u rinnovar li sar fil-kantina ta’ Palazzo Parisio sabiex din isservi bħala spazju ġdid u differenti għall-uffiċjali tal-ministeru. Is-sala ssemmiet għas-Sur Alfred Zarb, diplomatiku b’karriera ta’ 50 sena li kien ta’ ispirazzjoni għall-bosta li segwew il-passi tiegħu.​

pr210189a.jpg 
 pr210189b.jpeg