Malta tikkollabora mal- OHCHR u l-UNRWA fil-Palestina sabiex jiġi mmarkat il-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija, it-Transfobija u l-Biofobija ( IDAHOT )

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Mej 19, 2020
 
Nhar il-Ħadd 17 ta’ Mejju 2020, l-Uffiċċju Rappreżentattiv tar-Repubblika ta’ Malta f’ Ramallaħ, il-Palestina ikkollabora mal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem ( OHCHR ) fil-Palestina u mal-Aġenzija tal-Assistenza u Xogħol għar-Refuġjati Palestinjani fil-Lvant Qarib ( UNRWA ), sabiex jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji kontra l-Omofobija, it-Transfobija u l-Biofobija, liema avveniment seħħ fil-Kwartieri Ġenerali tal-UNRWA fil-Lvant ta’ Ġerusalemm u li fih ġew osservati r-regoli tad-distanza soċjali.

Matul dan l-avveniment, saru diskorsi qosra mil-Kap tal-UNRWA fil-Palestina, is-Sa Gwyn Lewis, ir-Rappreżentant tar-Repubblika ta’ Malta f’ Ramallaħ, il-Palestina, is-Sur Reuben Gauci u l-Kap tal-OHCHR fil-Palestina, is-Sur James Heenan, wara liema diskorsi ttieħed ritratt tal-okkażjoni.  It-tema addottata għal dan l-avveniment kienet “ Ġustizzja u Protezzjoni għal kulħadd.”

Ir-Rappreżentant ta’ Malta qal li għall- ħames sena konsekuttiva, Malta baqgħet fil-quċċata fejn jidħlu d-drittijiet taċ-ċittadini fl-LGBTIQ. Ir-Rappreżentant qal li għal darb’ oħra Malta ġiet l-ewwel fl-Indiċi tal-Mappa tal-Qawsalla Ewropea maħruġa mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali li tirrapreżenta lil persuni Lisbjani, Gay, Bisesswali, Trans u Intersex ( l-ILGA). Is-Sur Gauci qal li aħna l-umani għandna t-tendenza li nibżgħu, imma ma rridux ninsew li l-biżgħa hija l-kawża li twassalna biex inġiegħlu lil ħaddieħor ibati, il-kawża li nġiegħlu lill-Ieħor u lill-Oħra jbatu.  Ir-Rappreżentant kompla billi qal li  fl-Ispirtu tal-President Amerikan John F Kennedy għandna ngħidu “ Jiena l-Ieħor! ” u “ Jiena l-Oħra! ” . Ir-Rappreżentant ikkwota ukoll il-kwotazzjoni magħrufa tal-President Amerikan, Franklin Delano Roosevelt li qal li “ l-unika ħaġa li għandna nibżgħu minnha hija l-biżgħa nnfisha.”

Dan l-avveniment kellu attendenza sabiħa mill-Kapijiet tal-Missjonijet u Viċi Kapijiet mill-Uffiċċji Rappreżentattivi f’ Ramallaħ u l-Konsulati Ġenerali f’ Ġerusalemm ta’ dawn il-pajjiżi: Irlanda, Danimarka, Belġju, Norveġja, Svezja, Franza, Ġermanja, l-Olanda, l-Italja, l-Awstrija, l-Finlandja, ir-Renju Unit, l-Awstralja, l-Messiku, il-Kanada, is-Slovenja, l-Portugal u l-Bulgarija. 
Ir-Rappreżentant tal-Unjoni Ewropea għax-Xatt tal-Punent, Gaża u l-UNRWA, is-Sur Sven Kuehn von Burgsdorf attenda ukoll.

Kien hemm ukoll rappreżentanti mill-Uffiċċju tal-Ko-ordinatur tal-Ġnus Maqgħuda għall-Proċess tal-Paċi fil-Lvant Nofsani ( l-UNSCO), l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ( l-WHO ), il-Fond tal-Emerġenza tal-Ġnus Maqgħuda għat-Tfal ( il-UNICEF ) u l-Programm ta’ Żvilupp tal-Ġnus Maqgħuda ( l-UNDP ).

IDAHOT 17 May 2020 group photo.jpg 

96535619_1423170511204603_2622368041500934144_o.jpg

98204586_1423210577867263_1018630985501114368_n.jpg