Messaġġ mill-Ambaxxatur Joseph. A. Filletti, fl-okkażżjoni tal-55 Anniversarju mis-sħubija ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ewropa

Numru ta' Referenza: 29042020, Data ta' l-Istqarrija : Apr 29, 2020
 

Illum, id-29 t’April 2020, Malta tfakkar il-55 Anniversarju minn meta saret membru sħiħ tal- Kunsill tal-Ewropa. F’din l-okkażżjoni, ir-Rappreżentanza Permanenti tar-Repubblika ta’ Malta għall-Kunsill tal-Ewropa tixtieq tieħu l-opportunita` li tafferma mill-ġdid l-impenn tagħha u l-appoġġ leali fil-promozzjoni u l-moniteraġġ tas-saltna tad-dritt, demokrazija u drittijiet umani fl-Ewropa fost l-47 stat membru u lil hinn.

Qabel kollox, fost dan l-impenn nobbli tidħol l-osservanza u l-infurzar tad-drittijiet u libertajiet fundamentali, minquxin fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Malta tfakkar li kellha rwol ewlieni fil-promozzjoni tad-drittijiet ta’ persuni LGBT u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u tinsab kburija bil-kontribut tagħha fil-promozzjoni u r-ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul u fl-appoġġ sħiħ lejn is-settur taż-żgħażagħ.

Malta lesta li tkompli tipparteċipa b’mod attiv fil-Kumitati tal-Ministri, fl-Assemblea Parlamentari u fl-oqsma l-oħra tal-Organizzazjoni, u li tkompli tikkollabora mal-gruppi ta’ esperti differenti u korpi konsultattivi. Flimkien man-nazzjonijiet l-oħra kollha, Malta ser tagħmel l-almu tagħha biex tgħin jingħeleb dan il-perjodu diffiċli li qed jikkawża tant ħerba u niket mad-dinja kollha.

Nittamaw li dawn ir-rabtiet sodi u l-ispirtu ta’ kooperazzjoni u r-rispett reċiproku li jeżisti bejn Malta u l-Kunsill tal-Ewropa jkomplu jissaħħu fis-snin li ġejjin.​