Il-President tar-Repubblika w l-Ministru Għall-Affarijiet Barranin u Ewropej jattendu ċ-Ċeremonja Komemorattiva tal-75 Anniversarju mill-Liberazzjoni tal-Kamp ta’ Konċentrament u Esterminju Nazista Germaniz, f’Auschwitz-Birkenau.

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Fra 11, 2020
 

Nhar is-27 ta’ Jannar, 2020, il-President tar-Repubblika, l-E.T. Dr. George Vella, akkumpanjat mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, l-Onor. Evarist Bartolo, ħadu sehem fiċ-ċeremonja kommemorattiva tal-75 Anniversarju mill-Liberazzjoni tal-Kamp ta’ Konċentrament u Esterminju Nażista Ġermaniz, f’Auschwitz-Birkenau.

Kapijiet ta’ Stat u dinjitarji oħra, flimkiem mad-delegazzjonijiet rispettivi tagħhom, inġabru taħt tinda kbira li twaqqfet apposta mill-awtoritajiet tal-Muzew ta’ Auschwitz-Birkenau, u li wasslet direttament lejn il-magħruf ‘Gates of Hell’ – li huwa l-entratura prinċipali tal-kumpless tal-kamp ta’ konċentrament u esterminju, f’Auschwitz-Birkenau.

Wara diskors mill-President tar-Repubblika tal-Polonja, Andrzej Duda, numru ta’ sopravissuti tal-Olokawst offrew testimonjanzi mqanqla ta’ dak li għaddew minnu. Fi tmiem iċ-ċeremonja komemorattiva, il-Kapijiet ta’ Stat u dinjitarji preżenti, mxew l-istess rotta li kien jimxu l-vittmi tal-Olokawst lejn i-‘Auschwitz-Birkenau Holocaust Memorial’ u poġġew xemgħa fuq il-lapida tal-monument b’tifkira tal-vittmi li ħallew ħajjithom f’Olokawst.

Dakinhar, filgħodu, l-ambaxxata ta’ Malta f’Varsavja, flimkien mal-Konsolat Onoraju ta’ Malta fi Krakovja, organizzaw żewġ laqgħat, fejn l-E.T il-President Vella, flimkien mal-Ministru tal-Affarijet Barranin u Ewropej, Bartolo, iltaqgħu l-ewwel mal-Arċisqof ta’ Krakovja, Marek Jedraszewski u wara mas-Sindku tal-belt ta’ Krakovja, Jacek Majchowski.  Dan ta’ l-aħħar informa li se jżur Malta fil-futur qarib.

Nhar it-28 ta’ Jannar, il-President tar-Repubblika, l-E.T. Dr. George Vella, kien il-mistieden speċjali tal-Universita’ ta’ Jagellonia, fi Krakovja, fejn għamel diskors lill-istudenti tal-Universita kif ukoll l-istaff akkademiku, dwar it-tema: ‘Present Global Challenges’.  Fid-diskors tieghu, l-E.T. President Vella ittratta diversi temi u sfidi globali, fosthom: is-sigurta tal-ikel; il-klima; il-kontroll tal-armi; il-migrazzjoni; is-sigurta tas-saħħa; l-isfidi tal-ambjent; il-valuri Ewropej, fosthom id-dritt tal-ħajja kif ukoll l-aħħar żviluppi li qegħdin iseħħu fl-Unjoni Ewropeja.

Qabel ma ta’ id-diskors tieghu, l-E.T. il-President Vella ġie milqugħ fil-Kamra tas-Senat tal-Universita mir-Rettur tal-Universita ta’ Jagellonia, il-Professur W. Nowak, flimkien mal-Kunsill tar-Retturi tal-Istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni Għolja ta’ Krakovja.  Hemmhekk, il-President Vella poġġa kuruna tal-fjuri quddiem il-plakka kommemorattiva ‘Sonderaktion Krakau’ li tinsab biswit l-Awla Magna tal-Universita’, b’tikira tal-183 professur minn Krakovja li ħallew ħajjithom fil-kampijiet ta’ konċentrament Nazisti Ġermanizi.

Wara nofsinhar, fi tmiem żjara fil-Librerija tal-Universita, il-Konslu Onoraju ta’ Malta fi Krakovja, Agieszka Kaminska, offriet riċeviment fil-Foyer tat-Teatru ‘Slowachi’ fi Krakovja ad unur tal-E.T.il-President Vella w d-delegazzjoni tiegħu.  Wara li l-Konslu Onorarju, is-Segretarju tal-Istat fl-Uffiċju tal-President tar-Repubblika u l-Ambaxxatur ta’ Malta fil-Polonja, għamlu diskorsi ta’ ntroduzzjoni, l-E.T il-President indirizza lill-mistednin.  Dawn kienu jinkludu membri tal-korp konsolari fi Krakovja, uffiċjali tal-gvern reġjonali, membri tal-komunita kummerċjali u negozji kif ukoll mill-komunita kulturali.  Fl-indirizz tiegħu, l-E.T il-President Vella saħaq dwar ir-relazjonijiet b’saħħithom li jezistu bejn Malta w l-Polonja, relazzjoni ibbażata fuq rispett reċiproku, fuq is-sħubija taż-żewġ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea kif ukoll l-valuri komuni Ewropej li t-tnejn iħaddnu u esprima x-xewqa li dawn ir-relazzjonijiet ikomplu jissaħħu għall-benefiċċju taż-żewġ popli. ​


Auschwitz1.jpg


Auschwitz2.jpg


Auschwitz3.jpg


Auschwitz4.jpg



Auschwitz5.jpg



Auschwitz6.jpg 
 


Auschwitz7.jpg