L-Ambaxxata ta’ Malta f’Varsavja tilqa’ studenti sekondarji mill-belt ta’ Rybnik fir-residenza uffiċjali sabiex tippromovi l-gżejjer Maltin bħala destinazzjoni ideali għat-tagħlim tal-lingwa Ingliza

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Mar 06, 2020
 

Nhar it-28 ta’ Frar, l-ambaxxatur ta’ Malta fil-Polonja, Dr. John Paul Grech, laqa’ grupp ta’ studenti sekondarji kif ukoll l-għalliema tagħhom tal-Ingliz mill-belt ta’ Rybnik li tinsab fir-reġjun tas-Silesia, fir-residenza uffiċjali, għal preżentazzjoni dwar l-istorja, ġeografija, kultura u tradizzjonijiet tal-gzejjer Maltin.

Rybnik huwa reġun ekonomiku importanti fil-Polonja, marbut mar-riżervi Pollakki tal-enerġija tal-faħam u l-elettriku.  Huwa ukoll ċentru tal-mużika, fejn wiehed isib l-Szanfrankowie Brothers State School of Music kif ukoll l-orkestra Filarmonika.

Bħalissa dawn l-istudenti sekondarji qegħdin jipparteċipaw fi proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea flimkien mal-Kulleġġ tal-Iskola Sekondarja tar-Rabat, Ghawdex.

L-Ambaxxatur Grech laqa’ l-istudenti, kif ukoll l-għalliema tagħhom, fir-residenza uffiċjali u offrielhom kolazzjon ħafif minhabba l-fatt li l-grupp kollu kien vjaġġa mill-belt ta’ Rybnik fis-sighat bikrin ta’ filgħodu. Għal bosta minn dawn l-istudenti, din kienet l-ewwel esperjenza tagħhom fil-belt kapitali Pollakka.

L-Ambaxxatur Grech, akkumpanjat mill-istaff fl-Ambaxxata, għamel preżentazzjoni dwar il-gżejjer Maltin u spjega diversi paraguni u similaritajiet li jeżistu bejn iż-żewg pajjiżi, minkejja d-differenzi ta’ bejniethom. Huwa ta ħarsa lejn l-istorja tal-gżejjer Maltin, is-sinifikat ġeografiku strateġiku tagħhom u kif dan żvolġa tul is-sekli, kif ukoll il-wirt kulturali tagħhom. L-istudenti ipparteċipaw attivament permezz tal-mistoqsijiet tagħhom, kif ukoll permezz ta’ logħob edukattiv ippreparat mill-istaff tal-ambaxxata, biex żiedu l-għarfien tagħhom dwar it-tradizzjonijiet u l-karatteristiċi tal-gżejjer Maltin.

Dan l-eżerċizzju jifforma parti minn proġett aktar wiesgħa li l-Ambaxxata ta’ Malta f’Varsavja bdiet diversi xhur ilu fejn, minn banda, studenti sekondarji jew minn istituzzjonjiet terzjarji jiġu mistiedna fl-Ambaxxata jew fir-residenza uffiċjali u jingħataw tagħrif dwar il-gżejjer Maltin, jew inkella l-Ambaxxatur nnifsu jżur skejjel sekondarji jew ta’ livell ogħla f’Varsavja jew fid-dintorni u jxerred il-kelma dwar il-gżejjer Maltin bħala destinazzjoni ideali għal dawk li jixtiequ jitgħallmu aktar dwar il-lingwa Ingliża.


stud_res1.jpg 
 


stud_res2.jpg 


stud_res3.jpg