Jitwaqqaf Il-Kunsill tal-Kummerċ ta’ Malta u l-Amerika Ta’ Fuq

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Ott 07, 2020
 

Illum, l-Ambaxxata ta’ Malta f’Washington, D.C. nehdiet il-Kunsill tal-Kummerċ għal Malta u l-Amerika ta’ Fuq waqt laqgħa virtwali mmexxija mill-Ambaxxatur Keith Azzopardi. Il-Kunsill hu magħmul minn tnax -il persuna Amerikani/Kanadiżi Maltin u kif ukoll minn Amerikani u Kanadiżi fil-qasam tan-negozju minn setturi differenti li huma ta’ mportanza ghall-iżvilupp ekonomiku ta’ Malta.

Il-Kunsill għandu l-għan li joffri pariri dwar opportunitajiet ta’ kummerċ li huma ta’ nteress għal Malta, li jaħdem mal-entitajiet relevanti Maltin, li jiddentifika oqsma ta’ opportunitajiet kummerċjali u teknoloġija relevanti għal Malta, li jippromovi investiment finanzjarju u industrijali għal Malta, li jiffaċilita opportunitajiet ta’ kummerċ għal kumpaniji Maltin u dawk ibbażati f’Malta sabiex ifittxu niċeċ ta’ opportunitajiet ġodda fl-Amerika ta’ Fuq u kif ukoll li jiffaċilita kuntatti bejn negozji Maltin u dawk fl-Amerika ta’ Fuq.

L-Ambaxxatur Keith Azzopardi ddeskriva il-missjoni ta’ dan il-Kunsill filwaqt li ntroduċa lill-membri tiegħu li pparteċipaw f’din il-laqgħa virtwali minn kull rokna tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-Kanada. “L-iskop ta’ dan il-Kunsill hu li jkun hemm ħidma konġunta, kif ukoll sabiex jassisti lill-entitajiet relevanti Maltin li jaħdmu b’risq l-iżvilupp ekonomiku Malti bil-għan li nippromovu aktar lil Malta fl-Istati Uniti tal-Amerika u l-Kanada bħala ċentru ideali għall-kummerċ.”

F’din il-laqgħa virtwali , ipparteċipaw ukoll Kurt Farrugia CEO tal-Malta Enterprise, Anton Buttigieg CEO ta’ Trade Malta, Dana Farrugia CEO ta’ Tech Malta, iċ-Chairman ta’ Finance Malta Rudolph Psaila, iċ- Chief Operating Officer ta’ Gaming Malta Ivan Filletti, Johann Buttigieg  CEO tal-Awtorita Maltija tat-Turiżmu u Stephen McCarthy Ceo tal- Malta Digital Innovation Authority.

Il-Kunsill tal-Kummerċ ta’ Malta u l-Amerika Ta’ Fuq hu bbażat f’Washington, D.C.

image001.jpg
image002.jpg