L- E.T. Simon Pullicino ppreżenta l-Kredenzjali tiegħu bħala l-Ambaxxatur tar-Repubblika ta’ Malta għar-Repubblika tat-Tuneżija

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Set 23, 2020
 

Fis-17 ta' Settembru 2020, l-E.T. Simon Pullicino ppreżenta l-Kredenziali tiegħu bħala l-Ambaxxatur tar-Repubblika ta’ Malta lill-Eċċellenza Tiegħu Kaïs Saïed, President tar-Repubblika tat-Tuneżija.

F’laqgħa qasira wara ċ-ċerimonja, il-President Saïed laqa’ lill-Ambaxxatur Pullicino fit-Tuneżija u rrefera għar-rabtiet storiċi profondi bejn iż-żewġ pajjiżi u, b’mod partikolari, għall-wirt tal-komunità Maltija li għexet fit-Tuneżija fis-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20 , li serva biex ikompli jikkonsolida r-rabtiet ta' ħbiberija u kooperazzjoni bejn iż-żewġ Popli. L-Ambaxxatur Pullicino nnota r-relazzjonijiet eċċellenti bejn iż-żewġ pajjiżi, kkaratterizzati minn numru ta’ skambji bilaterali ta’ livell għoli f’dawn l-aħħar snin filwaqt li enfasizzaw l-aspirazzjonijiet komuni għall-paċi u l-istabbiltà fil-Mediterran, inkluż fil-Libja.

Wara l-laqgħa, l-Ambaxxatur Pullicino spezzjona l-Gwardja tal-Unur filwaqt li ndaqqu l-innijiet nazzjonali taż-żewġ pajjiżi.

Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll l-E.T. Othman Jerandi, Ministru tal-Affarijiet Barranin, il-Migrazzjoni u  t-Tuneżini li jgħixu barra l-pajjiż tar-Repubblika tat-Tuneżija u s-Sinjura Nadia Akacha, Kap tal-Kabinett fl-Uffiċċju tal-President. L-Ambaxxatur Pullicino kien akkumpanjat mis-Sur Gabriel Camenzuli, Deputat Kap tal-Missjoni u Konslu.

1.jpg

2.jpg

3.jpg