Ħatra ta' Konslu Onorarju tar-Repubblika ta' Malta għal Nizza

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Lul 01, 2020
 
Is-Sur Pascal Perez inħatar bħala Konslu Onorarju tar-Repubblika ta' Malta f'Nizza b'ġurisdizzjoni fuq id-dipartimenti tal-Alpes-de-Haute-Provence, Hautes-Alpes, Alpes-Maritimes, u Var nhar it-Tlieta, 2 ta' Ġunju 2020. Dan wara li l-Ambaxxatur ta’ Malta għal Franza, l-E.T. Carmelo Inguanez, ipprezenta l-exequatur lis-Sur Pascal Perez waqt ċerimonja li saret fl-Ambaxxata Maltija f’Pariġi nhar it-Tnejn, 29 ta’ Ġunju 2020.
 
Is-Sur Pascal Perez għandu sfond sod fl-affarijiet pubbliċi. Huwa jirrappreżenta kumpaniji internazzjonali fis-setturi tat-telekomunikazzjoni, tal-enerġija jew tal-farmaċewtiċi. Bħala konsulent ekonomiku, is-Sur Perez jimplimenta programmi ta’ konverżjoni ekonomika ta’ postijiet u sħubija pubblika-privata. 
 
Il-belt ta' Nizza hija s-seba' żona urbana l-iktar popolata fi Franza. Hija t-tieni l-ikbar belt Franċiża fuq il-kosta tal-Mediterran, u t-tieni l-akbar belt fir-reġjun Provence-Alpes-Cote d’Azur wara Marsilja. Il-komunità Maltija waqqfet “Les Amis de Malte - Alpes-Nice Cote D’Azur Var’”, assoċjazzjoni magħmula minn nies Maltin u dawk ta’ nisel Malti li jgħixu f’Nizza. 
 
Malta issa għandha għaxar Konsli Onorarji fi Franza (Bordeaux, Lille, Lyon, Strasbourg, Toulouse, Montpellier, Rouen, Tours, Marsilja, Nizza), b’din tal-aħħar se sservi biex issaħħaħ is-servizz konsulari fix-xlokk ta' Franza.