Żfin kontemporanju minn Malta fuq vjaġġ fi Spanja

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Fra 11, 2020
 

Il-pjattaforma taż-żfin ODT (Other Dance Theatre), li ġiet iffurmata riċentament, qed tippreżenta l-ewwel tour internazzjonali tagħha fi Spanja b'wirjiet f'Madrid, Leon u fir-reġjun ta’ Asturias. Il-programm oriġinali ta’ żfin kontemporanju intitolat Stories in Whispers hu frott tal-kollaborazzjoni bejn iż-żeffiena Maltija Florinda Camilleri u l-koreografa Spanjola Lucía Piquero. Camilleri u Piquero, it-tnejn magħrufa għall-ħidma tagħhom fiż-żfin kontemporanju, stabbilixxew il-pjattaforma biex isaħħu l-kollaborazzjoni ta’ bejniethom.

Il-produzzjoni Stories in Whispers ittellgħat fit-Teatru Luchana ġo Madrid nhar il-Ħamis, 6 ta’ Frar 2020. Kienet tinkludi żewġ xogħolijiet taż-żfin - Minn Taħt l-Ilsien u Khajal. Minn Taħt l-Ilsien ġiet ippreżentata għall-ewwel darba u kkummissjonata mill-Festival Internazzjonali tal-Arti ta’ Malta fl-2019. Koreografjata minn Lucía Piquero bi żfin minn Florinda Camilleri, s-silta hija bbażata fuq il-ktieb tal-inkantazzjonijiet, Għana 'l Hena tal-Professur Michael Zammit. L-inkantazzjonijiet jieħdu l-ħajja permezz tal-ħoss u l-moviment, waqt li jieħdu l-udjenza fuq vjaġġ uniku permezz tal-lingwa Maltija, il-filosofija, u ż-żfin kontemporanju.

Khajal, koreografija oħra ta’ Lucía Piquero u interpretata minn Florinda Camilleri, Zoe Camilleri u Valentine Soucy ġiet żviluppata waqt residenza artistika minn Piquero f’Bordeaux, Franza u hija ispirata mill-Palestina u x-xewqat tal-Palestinjani li jbiddlu s-sitwazzjoni preżenti tagħhom f’opportunità għal kreattività bla limiti ta’ xejn.

Il-programm inkluda silta ta’ sound performance bit-titlu Pause minn Niels Plotard  li tirrifletti l-għeruq interdixxiplinarju tal-grupp. Bħala parti mill-programm tagħha fi Spanja, ODT organizzat ukoll workshop fl-Universidad Complutense de Madrid.

Il-proġett għandu l-appoġġ tal-Ambaxxata ta’ Malta f’Madrid permezz tal-Fond għad-Diplomazija Kulturali tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej. F’kelmtejn fil-bidu tal-ispettaklu, Dr Vanni Xuereb, l-Ambaxxatur ta' Malta għal Spanja, qal li "L-Ambaxxata hija kburija li qed tippreżenta xogħol artistiku kontemporanju minn Malta. B’hekk intejbu x-xogħol tagħna fid-diplomazija kulturali kif ukoll niftħu opportunitajiet ġodda għal kooperazzjoni artistika bejn l-artisti".

Il-produzzjoni għandha wkoll l-appoġġ tat-Teatru tal-Iskola tal-Arti tal-ispettaklu tal-Università ta’ Malta u qed tiġi ppreżentata b’kollaborazzjoni ma’ Culture Venture.​


IMG_0716.JPG 
 


IMG_0726.JPG 
 


IMG_0756b.jpg 
...