Vanni Xuereb jippreżenta l-kredenzjali tiegħu bħala l-Ambaxxatur għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Numru ta' Referenza: 17092020, Data ta' l-Istqarrija : Set 17, 2020
 
Vanni Xuereb ippreżenta l-ittri tal-kredenzjali bħala l-Ambaxxatur il-ġdid tar-Repubblika ta’ Malta għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-President Frank-Walter Steinmeier. Iċ-ċerimonja saret fir-residenzja uffiċjali tal-President, Schloss Bellevue, nhar il-Erbgħa, 16 ta’ Settembru 2020.

Wara l-preżentazzjoni tal-kredenzjali, l-Ambaxxatur Xuereb kellu laqgħa mal-President Steinmeier. Matul din il-laqgħa ġew diskussi bosta temi ta’ interess għaż-żewġ pajjiżi bħall-migrazzjoni, l-Afrika ta’ Fuq u l-iżviluppi li seħħew f’Malta f’dawn l-aħħar xhur biex jissaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi u s-Saltna tad-Dritt. L-Ambaxxatur Malti wassal ukoll lill-Kap tal-Istat Ġermaniż l-apprezzament ta’ Malta għar-rwol ta’ moderazzjoni u stabbilità li teżerċita l-Ġermanja f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt.

Wara l-laqgħa mal-President, l-Ambaxxatur, li kien akkumpanjat minn żewġu għaċ-ċerimonja tal-kredenzjali, ġie skurtat mill-Kap tal-Prtokoll tal-Ministeru Federali tal-Affarijiet Barranin Ġermaniż sabiex jassisti għat-tlugħ tal-bandiera Maltija quddiem il-Palazz Presidenzjali.

Għal dawn l-aħħar kważi sentejn, Dott. Xuereb kien qed iservi bħala l-Ambaxxatur ta’ Malta għal Spanja.

mail_59555_460655.jpg 
 mail_59555_460656.jpg
 mail_59555_460650.jpg

© Presse- und Informationsamt der Bundesregierung – Press and Information Office of the Federal Government / Sandra Steins​