Tfal tal-iskola f’Berlin jipprattikaw il-Malti

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Ott 06, 2020
 

Fl-okkażjoni tal-Jum Ewropew tal-Lingwi, rappreżentanti tal-Ambaxxata ta’ Malta f’Berlin żaru żewġ klassijiet ta’ studenti ta’ bejn 6 u 9 snin fl-iskola elementari Hunsrück f’Berlin-Kreuzberg, sabiex jintroduċulhom lil Malta u jagħtuhom kors qasir u ntensiv fil-lingwa Maltija. Din l-attività saret b'kolloaborazzjoni mal-Istituti Nazzjonali tal-Unjoni Ewropea għall-Kultura ta’ Berlin (EUNIC) u r-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f'Berlin.

Wara introduzzjoni qasira fl-istorja, il-flora u l-fawna ta’ Malta, kif ukoll il-ħajja tal-iskola f’Malta, it-tfal kienu ħerqana li jitgħallmu xi kliem bil-Malti. Is-Sa Sephora Gauci, Deputat Kap tal-Ambaxxata ta’ Malta f’Berlin, tathom introduzzjoni fl-alfabet Malti waqt li enfasizzat ċerti ittri li ma jinstabux fl-alfabet Ġermaniż kif ukoll il-pronunzja speċjali tagħhom. Il-preżentazzjoni ta’ kanzunetta mill-pop band Malti  ‘The Travellers’, ħeġġet lit-tfal biex ikantaw flimkien u jipprattikaw il-pronunzja ta’ diversi kliem bil-Malti. B'entużjażmu, it-tfal irrepetew il-kliem bil-Malti, u peress li kienu ħerqana li jitgħallmu aktar, tassew ħadu gost jgħoddu minn wieħed sa għaxra, u jitgħallmu xi ismijiet ta’ annimali bil-Malti. Fl-aħħar tal-lezzjoni, l-istudenti ġew mgħallma konversazzjoni faċli li tippermettilhom jintroduċu lilhom infushom u jistaqsu mistoqsijiet lil xulxin. Uħud mill-istudenti saħansitra setgħu jirrelataw ċertu kliem Malti mal-oriġini Taljana jew Għarbija tagħhom.

Fl-aħħarnett, l-istudenti ngħataw diploma, li kkonfermat il-parteċipazzjoni tagħhom fil-kors intensiv fil-lingwa Maltija, iċċertifikat mill-kapijiet tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea, il-libreriji ċentrali u statali ta’ Berlin, u EUNIC Berlin. Din kienet l-10 darba li l-Ambaxxata ta’ Malta f’Berlin ipparteċipat f'din l-inizjattiva edukattiva, li għal darb’oħra wriet li hija mod divertenti u effettiv biex tesponi lit-tfal għall-varjetà ta’ lingwi li teżisti fl-Ewropa.​


WhatsApp Image 2020-09-30 at 09.03.02 (1).jpeg 
WhatsApp Image 2020-09-30 at 09.03.02.jpeg
WhatsApp Image 2020-09-30 at 14.47.28.jpeg