L-Ambaxxatur Joseph Cuschieri jippreżenta l-Kredenzjali lill-President Grieg

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Ott 23, 2020
 
L-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Greċja, l-Eċċellenza Tiegħu Joseph Cuschieri, nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Ottubru 2020, ippreżenta l-kredenzjali lill-President tal-Greċja l-Eċċellenza Tagħha s-Sinjura Katerina Sakellaropoulou u dan fil-presenza tad-Deputat Ministru tal-Affarijiet Barranin responssabbli mid-Diaspora Griega, Konstantinos Vlasis u s-Segretarju Ġenerali fl-Uffiċċju tal-President Grieg, Vassilis Papadopoulos.       

F’laqgħa wara ċ-ċerimonja, bejn il-President Grieg u l-Ambaxxatur Cuschieri, l-President Grieg feraħ lis-Sur Cuschieri għall-ħatra tiegħu.  

Matul din il-laqgħa gew diskussa r-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi. Malta u l-Greċja stabbilixxew ir-relazzjonjiet diplomatiċi bejniethom erba’ u ħamsin sena ilu.  

Fost it-temi li ġew diskussi bejn iż-żewg naħat, kien hemm l-immigrazzjoni, is-sitwazzjoni fil-baħar Eġew u fiċ-Ċentru tal-Meditteran kif ukoll il-COVID-19 u l-isfidi ekonomiċi li din qed iġġib magħha.  

Temi oħra diskussa kienu t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi fil-fora internazzjonali speċjalment fil-qafas tal-Unjoni Ewropea u l-MED7 kif ukoll l-interessi komuni fil-politika Mediterranja. 

Fi tmiem il-laqgħa ġie ukoll diskuss il-bżonn t’aktar ħidma u kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi biex jissaħħu oqsma bħal ma huma l-kummerċ, il-qasam marittimu, it-turiżmu u l-kultura.