It-teknoloġija Nukleari tista’ tintuża għat-Tajjeb

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Set 03, 2020
 

Il-prevenzjoni tal-erożjoni tal-ħamrija, is-sikurezza u s-sigurtà tal-ikel, kif ukoll il-kontroll ta’ ċertu nsetti qerrieda huma ftit benefiċċji ta’ teknoloġija nukleari li qed jiġu ttestjati f'laboratorji f'Seibersdorf, l-Awstrija u implimentati fl-istati membri tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA).

L-E.T Meli Daudey, ir-Rappreżentanta Permanenti ta’ Malta għall-IAEA fi Vjenna, mexxiet delegazzjoni għall-mawra qasira ġewwa dawn il-laboratorji, li huma imexxjin mill-Organizzazzjoni ta' l-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) u d-Dipartiment tax-Xjenza u l-Applikazzjonijiet Nukleari tal-IAEA, bil-għan li ikun hemm għarfien aħjar ta’ dan ix-xogħol bejn Malta u l-Aġenzija.

Id-delegazzjoni Maltija daret tlett laboratorji minn tmienja, inkluż wieħed li jittratta mard bejn l-annimali u u dawk żoonotiċi; diskussjoni topika fid-dawl tal-pandemija COVID-19, u l-prevenzjoni ta' epidemiji simili fil-futur. Id-Dipartiment tax-Xjenza u l-Applikazzjonijiet Nukleari qiegħed ukoll fil-proċess li jġedded u jimmodernizza l-laboratorji tiegħu sabiex jgħin aħjar lill-Istati Membri tal-IAEA bħal Malta, ħalli dawn ikunu jistgħu jindirizzaw sfidi bħat-tibdil fil-klima, u jgħinu fit-trattament tal-kanċer.

Bħala Stat Membru tal-IAEA, Malta kapaċi tibbenefika mill-użu tat-teknoloġija nukleari u żżid il-kooperazzjoni bejn esperti Maltin u l-Laboratorji tal-Applikazzjonijiet Nukleari tal-IAEA. Permezz ta’ taħriġ, kif ukoll bl-għajnuna ta’ riċerka u żvilupp, it-teknoloġija nukleari tista ssaħħaħ ċerti setturi tal-ekonomija Maltija, bħall-agrikoltura, billi żżid is-sikurezza u s-sigurtà tal-ikel u ikollha kontroll iktar effiċjenti ta’ insetti qerrieda.​

1.JPG

2.JPG

3.JPG

4.JPG
6.JPG