Il-Kummissjoni dwar Drogi Narkotiċi tadotta l-ewwel riżoluzzjoni preżentata minn Malta u l-Kanada

Il-Kummissjoni dwar Drogi Narkotiċi tadotta l-ewwel riżoluzzjoni preżentata minn Malta u l-Kanada

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Apr 22, 2021
 


L-64 Sessjoni tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar id-Drogi Narkotiċi, li saret fi Vjenna bejn it-12 u s-16 ta’ April 2021 għaddiet b'suċċess riżoluzzjoni ppreżentata minn Malta u l-Kanada.


Din kienet l-ewwel darba fl-istorja tas-sħubija tagħha fil-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar id-Drogi Narkotiċi, li Malta ħadet rwol attiv fil-preżentazzjoni ta’ riżoluzzjoni.


Din ir-riżoluzzjoni tenfasizza lir-rwol importanti tal-Gvernijiet li jiffaċilitaw aċċess għat-trattament u servizzi oħra relatati mal-prevenzjoni tad-droga u r-reabilitazzjoni, b’mod partikolari ta’ nies marġinalizzati. Dan għandu isir abbażi tad-drittijiet universali tal-bniedem, li jinkludu aċċess universali u mingħajr diskriminazzjoni għal min jitlob dawn is-servizzi.


Ir-riżoluzzjoni tirrikonoxxi wkoll l-importanza li dawn il-Gvernijiet iħaddnu perspettiva wiesa li tinkludi l-isfidi għal trattament aċċessibbli, billi tħeġġeġ il-kollaborazzjoni bejn aġenziji differenti, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali kollha, inkluża s-soċjetà ċivili.

L-għanijiet ta’ din ir-riżoluzzjoni għandhom ukoll l-istess għanijiet tal-istqarrija mogħtija mill-Onor. Dr Michael Falzon, Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, fejn enfasizza l-importanza li naddattaw is-sistemi ġudizzjarji tagħna sabiex jiffokaw fuq l-għajnuna, u mhux il-kastig tapersuni li jużaw id-droga. Huwa kompla billi qal li għandu jiġi żgurat aċċess ugwali, mingħajr diskriminazzjoni għat-trattament, sabiex biex tevita l-istigmatizzazzjoni ta' dawn in-nies.


Bħala parti mir-rwol ċentrali tagħha matul din il-ġimgħa, il-Missjoni Permanenti ta’ Malta fi Vjenna, organizzat ukoll żewġ avvenimenti. L-ewwel waħda kienet tittratta il-bżonn ta’ azzjonijiet li jnaqqsu l-istigmatizzazzjoni tal-użu u l-vizzju tad-droga. Ir-Rappreżentanta Permanenti Meli Daudey mexxiet dan l-avveniment virtwali b'suċċess, fejn il-parteċipanti iddiskutew l-istigmatizzazzjoni u d-diskriminazzjoni li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nies li jużaw id-droga meta dawn ifittxu servizzi ta’ kura. F’dan l-avveniment ħadu sehem ukoll numru ta’ esperti fil-qasam, inkluż il-Professur Richard Muscat.


L-avveniment l-ieħor ko-sponsorjat minn Malta kien jiffoka fuq l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Politika dwar id-Droga. Fir-rimarki tagħha, id-Deputat Kap tal-Missjoni Permanenti Alberta Borg, enfasizzat l-importanza ta’ dawn il-linji gwida speċjalment fl-oqsma tal-ġustizzja kriminali, is-saħħa u l-iżvilupp.

 

 

Ambassador Natasha Daudey speaking in the virtual meeting. 


A screenshot of the virtual meeting for the 64th Session of the Commission on Narcotic Drugs.